Lokali Temp

Frar jikser it-tendenza ta’ xhur xotti hekk kif ġab miegħu 88mm xita

Frar huwa xahar storikament milwiem, bil-qawl Malti jiddeskrivih bħala fawwar. Wara sensiela ta’ xhur pjuttost xotti, Frar li għadda mela l-bjar bi 88.2 mm xita, jiġifieri 19.2mm aktar mill-kwota.

Fil-fatt, sa jum San Pawl, jiġifieri l-10 ta’ Frar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kien diġà kejjel 49 mm xita, jiġifieri l-ewwel għaxart ijiem tax-xahar kienu diġà qabżu nofs il-kwota (69 mm) għax-xita ta’ Frar. Madanakollu, Frar tal- 1965 għadu jżomm f’idu r-rekord tal-aktar wieħed imxarrab, hekk kif kien ġab miegħu 187.9 mm xita.

Fost il-jiem imxarrba tax-xahar, tlieta minnhom kienu kkaratterizzati minn maltempati bis-sajjetti u f’jumejn minnhom saħansitra niżel is-silġ. Minkejja lmaltemp, Frar kien ftit inqas mirjieħ min-norma, bil-qawwa medja tar-riħ tkun dik ta’ 8.8 knots. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha nefħet mil-Lvant ix-Xlokk fit-8 ta’ Frar u laħqet is-36 knot.

Anke jekk il-maltemp ma naqasx, l-aħħar xahar tax-xitwa meteoroloġika kien 1°C aktar sħun min-norma klimatika, bit-temperatura medja tax-xahar tkun dik ta’ 13.6°C. L-ogħla temperatura tax-xahar telgħet għal 20.8°C fl-14 ta’ Frar, filwaqt li laktar kejl kiesaħ kien dak tat-23 ta’ Frar meta t-temperatura niżlet għal 7.4°C.

Ix-xahar li għadda rċieva total ta’ 164.2 sigħat xemxin, 22.5 sigħat inqas min-norma klimatika. L-aktar jum imdawwal kien is-16 ta’ Frar hekk kif irċieva 10.1 sigħat xemxin, filwaqt li fit-8 ta’ Frar tkejlet inqas minn siegħa waħda xemxija.