Ryan Callus PN
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fl-Aġġornament tal-Parlament li l-Gvern għejja b’ministeri ma jiffunzjonawx u burokazija kullimkien
Ryan Callus qal li llum is-sitwazzjoni hi li l-Awtorità tal-Ippjanar kważi ma tiffunzjonax għaliex hemm ħafna applikazzjonijiet pendenti; liema sitwazzjoni qed iġġib frustazzjoni għaliex il-proċess naqas bil-kbir fl-effiċjenza.
Hu kompla li l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li 70% tal-applikazzjonijiet mis-6,700 applikazzjoni qed jeċċedu d-deadline ta’ 100 ġurnata. L-Awtorità tal-Ippjanar saret awtorità tal-buokrazija, sostna Ryan Callus, li qal li l-istituzzjonijiet mhux jiffunzjonaw għaliex għejjew jiffunzjonaw.
Id-deputat Nazzjonalista qal li problemi oħra li qed jaffettwaw lin-nies huma l-iskandli fl-awtoritajiet.
Hu tkellem dwar iz-zuntier tal-knisja tas-Siġġiewi u qal li kien sodisfatt li l-gvern ħabbar li se jsir ir-restawr taz-zuntier. Ix-xogħol beda f’Jannar 2024 u llum f’Marzu 2025 wara sena u tliet xhur – ftit li xejn sar xogħol tant li għad hemm il-barrikati fil-post.
Għalhekk hu għamel mistoqsija parlamentari dwar dan li fit-tweġiba għaliha, il-Ministru Chris Bonnett wieġeb li z-zuntier se jitlesta fl-aħħar ta’ din is-sena; sentejn wara li beda. Hu appella biex il-proġett jitlesta qabel il-festa f’Ġunju li ġej minħabba l-festa tar-raħal.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-Iskola Primarja San Ġorġ ta’ Ħal Qormi u qal li ma jistax ikun tibqa’ s-sitwazzjoni fejn hemm l-umdità u ġebel li qed ifarfar fl-klassijiet. Dan il-proġett kien imwiegħed qabel il-COVID iżda għadu mhux finalizzat.
Id-deputat Nazzjonalista kompla l-gvern mhux iwieġeb kemm kienu impjegati ħaddiema mal-ARMS fl-aħħar 13-il sena iżda l-Ministru Miriam Dalli tat biss informazzjoni dwar erba’ snin. Hu semma’ l-mod kif il-Ministru Clint Camilleri wkoll jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet parlamentari fosthom dwar kemm mill-2013 kienet ġenerata enerġija mill-pannelli fuq l-iskejjel. Minflok ta l-ammont ta’ enerġija ġenerata sena b’sena, il-Ministru jwieġeb biss b’mod globali.
Dan hu gvern li mhux jiffunzjona, għejja u jrid jagħlaq ħalq kulħadd; fl-istess waqt ma jridx jisma’ dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies.
Ryan Callus kritika lill-gvern għall-mod kif il-Prim Ministru qed jirrifjuta talba mill-ġurnalisti biex ikunu pubblikati d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri u l-Prim Ministru. Robert Abela jrid jaħbi għax jekk toħroġ din l-informazzjoni jkun hemm problemi kbar fil-kabinett tal-ministri. Dan il-gvern għamel żmienu u l-pajjiż għandu bżonn bidla, sostna Ryan Callus.
//= $special ?>