Lokali

Ħadd mhu accountable: Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet jibqa’ jinħeba wara rapport biex ma jġorrx ir-responsabbiltà politika għall-fallimenti tiegħu – PN

“It wasn’t me” qed jgħidilna Byron Camilleri.

Robert Abela u Byron Camilleri qegħdin għal darba oħra jinħbew wara rapport ta’ inkjesta amministrattiva biex jevitaw li jġorru r-responsabbiltà politika għall-fallimenti tagħhom.

La l-Partit Nazzjonalista u lanqas ħadd ma ħaseb li Byron Camilleri mar bil-basket tas-supermarket jisraq id-droga mill-kontejner f’Ħal Far.

Ħadd f’Malta u Għawdex mhu qed jitlob ir-riżenja tal-Ministru Byron Camilleri għax kien imissu hu x-shift għassa mal-kontejner mimli droga.

Madankollu huwa fuq il-Gvern ta’ Robert Abela u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà li taqa’ r-responsabbiltà tas-sigurtà ta’ pajjiżna.

Bħalma Byron Camilleri ddefenda l-istatus quo fil-Ħabs meta taħt Alex Dalli kien hemm numru ta’ mwiet, u ma rriżenjax dakinhar, illum qed jerġa’ jiddefendi l-istatus quo – bil-fallimenti kbar li kixef l-istess rapport li ġie ppubblikat illum – billi jfarfar il-ħtija fuq ħaddieħor.

Ir-rapport jitkellem dwar verżjonijiet kunfliġġenti minn entitajiet tal-Gvern.

Għax meta l-istituzzjonijiet ikunu maħtufa minn min jiġbed l-ispaga, hekk jiġri.

Meta jkollok Ministru li kellu elf raġuni biex jirriżenja u jistenna lil ħaddieħor jgħidlu li jrid jitlaq biex effettivament jitlaq, tifhem li dan hu Gvern li qed ifalli mhux b’kumbinazzjoni imma b’mod intenzjonat.

Byron Camilleri jibqa’ responsabbli għat-tkissir fil-Kmand tal-Forzi Armati ta’ Malta, u se jibqa’ simbolu ta’ insigurtà nazzjonali. U għandu jġorr ir-responsabbiltà politika.

Il-fatt li Camilleri baqa’ hemm u li Robert Abela m’aċċettax it-taparsi riżenja tiegħu hi ċertifikat ieħor ta’ Gvern li falla lil kulħadd ħlief lilu nnifsu.

Dan ħareġ fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Darren Carabott.