Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ ma jirrikonoxxix l-Istat Palestinjan

Quddiem is-sitwazzjoni prekarja li żviluppat f’Gaza fl-aħħar siegħat fejn inqatlu iktar minn 400 ċittadin Palestinjan b’attakki minn Iżrael, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg reġa’ naqas li jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan.

Dan in-nuqqas ta’ pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-Palestina kien espress mid-Deputat Prim Ministru u Minisru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg fi tweġiba parlamentari li ta għal mistoqsija parlamentari tax-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami li staqsa lill-Ministru Ian Borg biex jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu u tal-Gvern Malti dwar ir-rikonoxixment għall-Istat Palestinjan. Dan minħabba l-inkonistsenza tal-Gvern Malti quddiem din il-pożizzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru wieġeb li l-pożizzjoni tal-gvern fuq il-Lvant Nofsani hi waħda ċara fejn m’hemmx għaliex ikun ikkunsidrat biss dak li seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2023 ‘l hawn.

Hu kompla li l-pożizzjoni tal-gvern hi li jkun hemm żewġ stati fuq il-fruntieri tal-1967 b’Ġerusalem il-belt kapitali tat-tnejn. Il-Gvern Malti kien ikkundanna l-att terroristiku tal-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru 2023 u qal li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti kienet li r-reazzjoni ta’ Iżrael biex jiddefendi lilu innifsu kellha tkun propozjonata skont il-liġijiet interazzjonali.

Dan ma seħħx u għalhekk il-gvern Malti beda jseħħaħ għal waqfien mill-ġlied permanenti u immedjat, sostna l-Ministru Borg, li kompla li fil-ġimgħat li għaddew kien hemm ftehim bejn il-Ħamas u Iżrael fejn numru ta’ ostaġġi kienu meħlusa.