Lokali Parlament

Il-gvern m’aċċetta qatt u ebda proposta tal-PN

Ivan Castillo, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo sostna fil-parlament li l-gvern m’aċċetta qatt u ebda proposta tal-PN.

Ivan Castillo tkellem dwar l-għoli tal-ħajja u qal li l-PN ppreżenta diversi alternattivi u soluzzjonijiet li dwarhom kien hemm qbil mal-imsieħba soċjali. Hu qal li minflok kien hemm kooperazzjoni mill-gvern, l-istess gvern m’aċċettax is-soluzzjonijiet tal-Oppożizzjoni u għamel kontro-mozzjoni bla soluzzonijiet ġodda li kienet biss tfaħħar lill-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-mozzjonijiet kollha li ppreżentat l-Oppożizzjoni qatt ma sabu l-appoġġ tal-gvern bla ma jagħtu r-raġunijiet.

Ivan Castillo kompla li l-PN ppropona li titneħħa t-taxxa minn fuq il-COLA għaliex din hi taxxa inġusta u twassal biex il-ħaddiema jirċievu biss porzjon minn dak li jkun qed jingħata. Il-PN ppropona wkoll fond nazzjonali biex jgħin fl-esportazzjoni u l-importazzjoni iżda anki hawn il-gvern ivvota kontra.

Ivan Castillo kompla li proposta oħra tal-PN hi tax credits lin-negozji, liema proposta kienet anki maqbula mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji. Anki hawn il-gvern kien kontra l-proposta tal-Oppożizzjoni. Hu qal li l-għoli tal-ħajja qed jerġa’ jiżded propju fuq l-ikel u x-xorb u kompla li kieku l-gvern aċċetta l-proposti tal-PN is-sitwazzjoni kienet tkun imtejba.

F’rapport tal-Bank Ċentrali kien stabbilit li l-parti li qed tmur għand il-ħaddiem mill-ġid li qed jinħoloq il-pajjiż qiegħda tonqos. Dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-kwalità tal-ħajja, id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN għamel ukoll diversi proposti li kienu rifjutati mill-gvern. L-esperti f’dawn is-settur taw raġun lill-PN.

Ivan Castillo tkellem dwar il-proposti li ressaq il-PN dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, l-importanza li l-pagi jkunu ġusti u l-abbużi fuq il-post tax-xogħol u qal li anki hawn il-gvern ma jaċċetta l-ebda proposta tal-PN.

Hu tkellem dwar is-settur marittimu li jħaddem 22,000 ħaddiem f’Malta u qal li jeħtieġ isir iktar. Il-PN dejjem ta l-id tal-ħbiberija lill-gvern f’dan is-settur, sostna Ivan Castillo, li kompla li l-PN ta diversi proposti dwar l-industrija tal-jottijiet.