Illum il-Kumitat Permanenti għall-Ħatriet Pubbliċi ntalab jiddiskuti u japprova l-ħatra ta’ Carmen Ciantar bħala Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), meta Ciantar diġà kienet magħżula u okkupat din il-kariga minn xhur qabel mingħajr l-approvazzjoni ta’ dan il-Kumitat.
Din hi konferma oħra, jekk għad fadal bżonnha, ta’ kemm il-Gvern ta’ Robert Abela jgħaddi romblu minn fuq il-Parlament u l-Kumitati tiegħu. Robert Abela jistenna li l-Kumitati u l-Parlament jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għal dak li jkun iddeċieda hu waħdu mingħajr kontestazzjoni. Dan hu l-mod faxxist li bih qed imexxi lil dan il-pajjiż. Carmen Ciantar – attivista veterana tal-Labour u li kemm ilu fil-Gvern il-Partit Laburista ffangat sew – ilha li nħatret f’dan ir-rwol, iżda l-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi, fil-laqgħa tal-lum waranofsinhar, kellu quddiemu r-rakkomandazzjoni biex tinħatar fit-tmexxija tal-MCCAA, bil-membri tal-Kumitat jintalbu jivvutaw biex japprovawha.
Fil-Kumitat Parlamentari, fejn il-Labour għandu l-maġġoranza, il-membri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista oġġezzjonaw b’qawwa għal dan in-nuqqas ta’ rispett min-naħa tal-Gvern lejn il-Parlament u talbu formalment il-kundanna tal-Kumitat għal dan l-aġir tal-Gvern ta’ Robert Abela, kif ukoll li l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti jieħu l-passi kollha meħtieġa biex dan l-aġir jitwaqqaf immedjatament.
Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista talab li l-Parlament jiddiskuti kif għandhom jissaħħu l-proċeduri, is-setgħat u s-saħħiet ta’ dan il-Kumitat biex każi bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.
Fuq il-proposta tal-Partit Nazzjonalista, il-Kumitat qabel li jirrifjuta li jisma’ lil Ciantar u se ssir investigazzjoni dwar il-kwistjoni. Il-Kumitat ġie aġġornat biex rappreżentant tal-MCCAA jidher quddiem il-Kumitat u jiġi stabbilit għaliex Ciantar kienet diġà mniżżla bħala Chairperson Eżekuttiv tal-MCCAA fid-DirettorjuIntern tal-Gvern.
Dan ir-rwol ġdid ingħata lil Ciantar wara li, ftit xhur biss qabel, tkeċċiet minn kariga oħra li kellha mal-Gvern bħala Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), li għaliha kienet titħallas €160,000 fis-sena. Għadu mhux magħruf issa, fir-rwol il-ġdid li ngħatat, kemm se tkun qed titħallas. Li hu żgur hu li hi marret minn ‘cushy job’ għal ieħor.
Carmen Ciantar kienet appuntata biex tmexxi l-FMS meta Chris Fearne kien Ministru għas-Saħħa u għal xi żmien, waqt li kienet f’din il-kariga, serviet ukoll bħala Chief of Staff tiegħu. Ftit biss wara li l-Labour tela’ fil-Gvern, kienet ikkampanjat għall-eks Ministru Konrad Mizzi, li kien appuntaha wkoll CEO tal-ARMS. Eventwalment bdiet tappoġġja lil Chris Fearne.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem fl-aqwa interess tat-trasparenza, tal-korrettezza u tal-governanza tajba.
Dan ħareġ fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Julie Zahra, Rebekah Borg u Adrian Delia.