Il-ħtieġa li jkunu aġġornati l-pjani lokali u li dawn ikunu initiżi biex joħolqu ambejnt isbaħ, aktar nadif, sostenibbli u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies ilu jinsisti dwarha l-Partit Nazzjonalista. Din hija l-politika friska li trid tagħti lill-Maltin u lill-Għawdxin ambjent urban aħjar. Din hija politika għan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija maħruġa mid-deputati Rebekah Borg u Stanley Zammit, laqa’ b’sodisfazzjon l-analiżi ppreżentata f’artiklu riċenti ta’ The Malta Independent, li jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu aġġornati l-pjani lokali ta’ Malta.
Il-fehmiet espressi minn professjonisti u esperti ewlenin fl-arkitettura u l-ippjanar jikkonfermaw li l-politika li qed jiżviluppa l-PN hi l-aħjar triq għal futur aktar sostenibbli għall-komunitajiet tagħna.
Il-periti kkonfermaw dak li ilhom isostnu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista li l-pjani lokali – li l-Gvern ta’ Robert Abela intenzjonalment ħalla jiskadu – jeħtieġu reviżjoni komprensiva biex jiġu indirizzati l-isfidi urbani tal-lum, biex jiġu protetti l-ispazji pubbliċi, u biex intejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Dan jaqbel perfettament mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li ilu jinsisti fuq aġġornament sħiħ tal-pjani lokali minflok emendi biċċa ’l hawn u biċċa ’l hemm u li jsiru mingħajr trasparenza bħal dawk li qed jagħmel il-Gvern attwali.
Il-PN jinsisti dwar trasparenza u parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tal-ippjanar sħiħ.
L-artiklu jenfasizza l-ħtieġa li l-ippjanar urban ikun immirat lejn il-benesseri tan-nies, u mhux lejn l-interessi ta’ ftit.
Dan jirrifletti l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista li tiffoka fuq protezzjoni ambjentali, ippjanar xieraq, u żvilupp li jirrispetta l-ħtiġijiet tar-residenti. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex iwettaq ukoll dak li wiegħed, li l-ambjent ikun dritt fundamentali tal-bniedem imniżżel fil-kostituzzjoni tagħna.
Il-PN se jkompli jaħdem ma’ dawk kollha konċernati u jinvolvi l-partijiet kollha interessati sabiex jiġi żgurat li l-pjani lokali futuri jirriflettu l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u mhux biss l-interessi ta’ ftit.
Se jaħdem biex jeliminina l-burokrazija fis-sistema tal-ippjanar li tkompli xxekkel il-ħidma u biex joħloq sistema li tkun ġusta, trasparenti u kontabbli, u li tpoġġi fiċ-ċentru tagħha l-bżonnijiet tan-nies u l-protezzjoni tal-ambjent.
Gvern ġdid Nazzjonalista jaħdem biex joħloq aktar ċertezza u sigurtà, waqt li jsaħħaħ is-serħan tal-moħħ taċ-ċittadini, permezz ta’ żvilupp sostenibbli li jwassal għal ambjent aktar sabiħ u san.
Dan kollu biex nassiguraw pajjiż ta’ kwalità u ħajja aħjar, mhux biss għalina, imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>