Għandha ssir sensiela ta’ taħditiet ġodda dwar il-futur tal-Ukrajna bħala parti mit-triq lejn paċi…Sadanittant, mistenni li, ‘il quddiem, jieqfu l-attakki fuq is-siti u l-infrastruttura tal-enerġija fir-Russja u speċjalment fl-artijiet Ukreni…Attakki li spikkaw kontinwament f’aktar minn tlett snin ta’ gwerra.
It-taħditiet ġodda dwar l-Ukrajna se jsiru fil-Lvant Nofsani u b’dan id-dettall isir magħruf wara telefonata ta’ 90 minuta bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin…. Telefonata sinifikanti li għandha tiddeċiedi l-futur tal-Ukrajna għax-xhur li ġejjin.
Fil-fatt, Putin – pjuttost b’sorpriża — iddikjara ruħu favur l-idea ta’ Trump biex ir-Russja u l-Ukrajna ma jkomplux jattakkaw il-faċilitajiet ta’ xulxin għall-produzzjoni tal-enerġija għal, almenu, 30 jum…Dan ukoll wara li r-Russi ilhom ix-xhur jikkonċentraw l-attakki fuq l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna,.
Il-Kremlin ta’ Moska qal li ż-żewġ Presidenti iddiskutew iċ-ċirkustanzi tal-gwerra, ‘fost l-iskambji ta’ opinjonijiet’ u fost il-qbil li huma jżommu l-kuntatti għaddejjin fil-ġranet li ġejjin.
It-taħditiet għandhom iħallu wkoll impatt għall-kontinent kollu tal-Ewropa u fost rapporti li Trump u Putin indirizzaw ‘il-ħtieġa għall-paċi u waqfien mill-ġlied fit-territorji tal-Ukreni.’
Stqarrija mill-White House qalet li Trump u Putin qablu li l-konflitt fl-Ukrajna għandu jintemm bi ftehim għal paċi għat-tul taż-żmien u fost awgurju li jitjiebu r-relazzjonijiet bejn Washington u Moska.
L-istqarrija sostniet li kien ikun bil-wisq aħjar li kieku l-investimenti fil-gwerra tal-Ukrajna marru fuq il-ħteġiet tal-popli Ukreni u r-Russja – u meta l-konflitt ‘ messu ilu li waqaf bl-isforzi ġenwini lejn il-konklużjoni tad-dmija.’
Iż-żewġ Mexxejja qablu li futur b’relazzjoni bilaterali ‘aħjar’ (bejn l-Istati Uniti u r-Russja) għandha l-vantaġġi kbar rigward ftehim ekonomiċi tal-futur kif ukoll fir-rigward tal-istabbilità ġeopolitika.
Fl-istess ħin, Trump u Putin, waqt it-telefonata, iddiskutew tmiem għall-proliferazzjoni tal-armamenti strateġiċi u t-tensjoni bejn Iżrael u l-Iran.
Ir-Russja, fl-aħħar jiem, kienet qed taħsibha dwar jekk tikkommettix ruħha għal waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna. U qabel it-telefonata tallum, il-President Putin ħareġ jattakka lill-Punent dwar ix-xhur u snin ta’ pressjoni fuq ir-Russja li skont hu, ma kenitx mistħoqqa.
Fl-istess diskors lill-Unjoni tal-Industrijalisti u Imprendituri Russi, Putin deher partikularment irrabjat dwar is-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja …Atteġġjament li l-osservaturi barranin fissruh bħala indikazzjoni ċara li s-sanzjonijiet, ftit jew wisq. qegħdin iħallu l-impatt intenzjonat.
Waqt li kienet għaddejja t-telefonata, l-istampa internazzjonali indikat ukoll li ż-żewġ mexxejja, fost oħrajn, iddiskutew kif pajjiżhom ‘x’aktarx li jaqsmu ċerti assi, inklużi minerali’ mill-artijiet tal-Ukrajna bħala kundizzjoni ewlenija għall-paċi….
Dan ukoll meta l-Ukrajna qed toġġezzjoni għal ftehim konkret li jippermetti biex ir-Russi jibqgħu jikkontrollaw iz-zoni u l-ibliet tal-Ukreni li spiċċaw okkupati mill-qawwiet tal-Kremlin tul din il-gwerra.
Għadha valida wkoll l-insistenza kontinwa ta’ Putin biex l-Ukrajna ‘qatt u qatt’ ma titħalla tissieħeb fl-Alleanza tan-NATO – bl-Ukreni jenfasizzaw il-ħtieġa li l-President Russu juri bil-fatti li hu ġenwinament favur il-konsolidazzjoni tal-paċi.
Fl-aħħar ħinijiet , il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, wasal il-Finlandja għal taħditiet dwar l-assistenza militari lil pajjiżu….Iż-żjara hi sinifikattiva peress li l-Finlandja, li tinsab qrib ir-Russja u li damet għexieren ta’ snin bħala pajjiż newtrali, illum, hi membru sħiħ tan-NATO.
Waqt din iż-żjara, il-Mexxej Ukren se jkollu taħditiet mal-President Finlandiż Alexander Stubb, il-Prim Ministru Finlandiż Petteri Orpo u anki rappreżentanti għoljin tal-industrija għad-difiża.
//= $special ?>