Lokali

Il-Prim Ministru iqajjem aktar suspetti dwar l-assi tiegħu

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li ma jridx jippubblika u jagħmel aċċessibbli d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari; inkluż tiegħu nnifsu. Dan hekk kif fil-jiem li għaddew saret talba mill-ġurnal Times of Malta biex ikollhom aċċess għad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Membri tal-Kabinett – xi ħaġa l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għadu qed jirreżisti.

B’mod mill-aktar suspettuż, Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-Eżekuttiv jibqgħu moħbija – minkejja l-appell saħansitra tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn insista mal-Prim Ministru biex jippubblikahom ħalli kull ċittadin jara u jifli d-dikjarazzjoni tal-assi tagħhom u tal-partners tagħhom.

L-Erbgħa filgħodu Robert Abela ħabbar li dawn id-dikjarazzjonijiet partikolari preżentahom lill-Kummissarju għall-Istandards iżda qed jibqa’ jinsisti li ma jridx jagħtihom lill-ġurnalisti. Bil-Prim Ministru jispjega li d-dikjarazzjonijiet l-oħrajn, ċioè tal-Parlament jinsabu intavolati – dikjarazzjonijiet li ma jidħlux f’dettall bħal dawk tal-Eżekuttiv, li fis-snin preċedenti kienu jiġu ppubblikati bla ebda xkiel.

Mistoqsi biex jagħti l-kelma tiegħu li m’hemm xejn suspettuż f’dawn l-assi li qed jibqa’ jaħbi miċ-ċittadini u l-midja – Robert Abela għal bidu naqas milli jagħmel dan.

Imbagħad, Net News staqsa lill-Mexxej tal-Labour jekk hux se jippubblikahom – b’Abela jibqa’ jagħti x’jifhem li mhux se jkun qed jagħmel dan – fatt li qed jibqa’ jqajjem suspetti kbar fuq l-istess Prim Ministru; b’Abela jibqa’ jxekkel għal kollox l-aċċess għall-midja.

Aktar tard, il-Prim Ministru qal li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Membri tal-Kabinett tiegħu ġew skrutinati minnu nnifsu u insista li ma sab ebda problema… iżda dwar l-assi tiegħu l-poplu għadu fil-baħħ.