Abela u sħabu qed jibqħu jirrifjutaw li jpoġġu lilhom infushom għall-iskrutinju tal-poplu u tal-Parlament
Robert Abela u sħabu jaħsbu li m’għandhom jagħtu rendikont lil ħadd u qed jibqgħu jirrifjutaw kull talba biex juru x’għandhom.
Minkejja li qala’ ħasla mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Abela qed jibqa’ jaħbi l-assi tiegħu u ta’ sħabu.
Abela qed juża kull mezz biex jimblokka talbiet għall-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu, tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu magħmula skont il-liġi minn għadd ta’ newsrooms. Fl-aħħar jiem kien żvelat li waqqaf talba għall-informazzjoni skont il-Freedom of Information (FOI) Act mit-Times of Malta.
Issa The Shift News kellha tirrikorri għand il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data biex jinvestiga għalfejn il-Prim Ministru qed jibqa’ jirrifjuta dawn il-Freedom of Information requests, u jekk dan hux qed isir bi ksur tal-liġi li tirregola dawn it-talbiet.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna dan il-ħabi li jkompli jikkonferma biss kemm kellu raġun l-Eks Ministru Evarist Bartolo li ddikjara li fuq uħud minn sħabu li “hemm liġi għall-allat u liġi għall-annimali”.
Robert Abela u l-Gvern li jmexxi abbandunaw kull rispett lejn it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-governanza tajba u jiġu jaqgħu u jqumu mill-poplu Malti.
Il-fatt li t-talba ġiet miċħuda aktar minn darba jkompli jqajjem dubji kbar dwar x’għandhom x’jaħbu Abela u l-Ministri tiegħu.
Dan ikompli jikkonferma wkoll kemm il-Gvern huwa lest li jimxi kontra l-prinċipji demokratiċi u jaħbi mill-poplu biex isalva ġildu, filwaqt li qed ifalli kompletament li jagħmel dak li hu mistenni minnu, u ċioè li jmur fil-Parlament biex isolvi l-problemi tan-nies, li l-biċċa l-kbira tagħhom ħoloqhom hu stess.
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi jsiru biex iċ-ċittadini jkollhom l-opportunità li jżommu lill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kontabbli għall-aġir tagħhom. Dan huwa standard minimu f’demokrazija moderna u f’pajjiż li jrid jiġġieled il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-abbuż ta’ poter.
Illum hu evidenti aktar minn qatt qabel li Robert Abela u l-kumplament tal-membri tal-Gvern jiġu jaqgħu u jqumu min-nies u mid-drittijiet tagħhom. L-aqwa li komdi huma.
Aktar ma Abela u sħabu jaġixxu b’dan il-mod arroganti u jaħbu tagħhom, aktar qed jitilfu l-kredibbilità mal-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jinsisti li d-dikjarazzjonijiet tal-assi għandhom jiġu ppubblikati minnufih. Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’inhuma l-assi u l-obbligi finanzjarji tal-mexxejja tiegħu.
Robert Abela għandu jieqaf jagħmilha tal-bully li ma jżommx mar-regoli u jibda jaġixxi ta’ raġel, b’aktar trasparenza u kontabbiltà kif mistenni minn Prim Ministru serju li m’għandux x’jaħbi.
//= $special ?>