Lokali Qorti

Koppja Awstraljana jingħataw il-pleġġ fuq mandat ta’ arrest Ewropew mitlub mill-Polonja

Koppja ta’ nazzjonalità Awstraljana ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew wara li l-Qorti tal-Maġistrati kienet laqgħet it-talba biex dawn jintbagħtu l-Polonja biex jiffaċċjaw akkużi f’dan il-pajjiż. Madankollu, il-Qorti tal-Appell Kriminali waqfet it-tluq tal-koppja minn Malta u laqgħet it-talba tad-difiża biex dawn jingħataw il-pleġġ sakemm jiġi deċiż il-każ.

Celia Eileen Jane Dunlop u Timothy Alan Mackay, it-tnejn ta’ 64 sena sena, ilhom residenti Malta għal dawn l-aħħar 10 snin. Il-koppja huma akkużati fil-Polonja b’numru ta’ reati fosthom li ħadu sehem f’organizzazzjoni kriminali, u serq permezz ta’ skema ta’ bejgħ relatata mal-frodi.

It-tnejn li huma allegatament iffrodaw madwar 432 persuna, u bbenefikaw mis-somma ta’ €238,603.
Kien għalhekk li l-Polonja ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew fil-31 ta’ Diċembru 2024 u talbet li ż-żewġ persuni jintbagħtu lura l-Polonja biex jiffaċċjaw proċedimenti kriminali.

Fi Frar, wara li nħareġ il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, il-Maġistrat Leonard Caruana laqa’ t-talba tal-Polonja u ordna l-estradizzjoni tal-koppja. Madankollu, l-avukat difensur Franco Debono appella mid-deċiżjoni tal-estradizzjoni tal-individwi u talab il-ħelsien mill-arrest quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima.

L-Avukat Ġenerali oġġezzjona għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tar-reati, fuq il-bażi tar-rabtiet limitati li l-koppja għandha ma’ Malta u minħabba l-biża’ li l-akkużati jaħarbu mill-gżejjer Maltin.

Id-difiża iżda sostniet li l-koppja tabilħaqq għandhom rabtiet b’saħħithom ma’ Malta meta qieset li għal dawn l-aħħar 10 snin, il-koppja għexet Malta u saħansitra għandha proprjetà li għandha valur ta’ bosta miljuni, filwaqt li għandha permess ta’ residenza valida.

Fl-appell, il-Qorti semgħet ukoll li Dunlop, li hija azzjonista f’kumpanija reġistrata f’Malta, u b’hekk huwa improbabbli ħafna li l-koppja tipprova taħrab minn Malta. Il-Qorti semgħet ukoll li l-konsenja tal-persuna rikjesta lill-awtoritajiet Pollakki se ssir għal skopijiet ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni possibbli għal reati li allegatament seħħew aktar minn 10 snin ilu.

Wara li semgħet dan kollu, l-Imħallef Edwina Grima laqgħet it-talba tad-difiża u tat il-libertà proviżorja lill-individwi. Ġew imposti għadd ta’ kundizzjonijiet tal-pleġġ fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000 kull wieħed, curfew u ordni biex il-koppja tiffirma darbtejn kuljum f’għassa tal-Pulizija.

L-Ispettur Roderick Spiteri mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit irrappreżentaw lil Celia Eileen Jane Dunlop. L-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera rrappreżentaw lil Timothy Alan Mackay.