Wara r-rapport li ġie ppubblikat matul il-jum tat-Tnejn li ddeskriva d-demokrazija ta’ pajjiżna bħala waħda “staġnata”, l-editorjal tat-Tlieta ta’ ‘The Malta Independent‘ insista li l-Gvern ta’ Robert Abela jeħtieġ li jieħu azzjoni immedjata biex titħares id-demokrazija.
Ir-rapport li fih madwar 1,000 paġna tfassal mill-grupp Civil Liberties Union for Europe, jiġbor fih kontribuzzjonijiet minn 43 organizzazzjoni li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem.
Ir-rapport irrimarka fuq l-akkużi tal-Prim Ministru Robert Abela fil-konfront tal-ġudikatura – akkużi li r-rapport iddeskrivihom bħala manipulazzjoni politika. Dan apparti li r-rapport tkellem ukoll fuq il-korruzzjoni li hawn preżentament f’pajjiżna li qed taffettwa is-servizz pubbliku u l-governanza.
L-editur appella lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jieħu azzjoni immedjata għall-ġid ta’ pajjiżna, filwaqt li semma wħud mir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu implimentati llum qabel għada.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet issemma’ l-fatt li jeħtieġ li jinbidel il-proċess dwar kif jiġi maħtur l-Avukat Ġenerali dan hekk kif l-aħħar żewġ Avukati Ġenerali spiċċaw f’nofs kontroversji jaħarqu dwar il-mod li bih mexxew dan l-uffiċċju.
Dan apparti li semma’ wkoll li anke l-proċess ta’ kif jiġi maħtur il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinbidel.
Apparti minn hekk, l-editur sostna li meta wieħed jagħmel talba tal-libertà tal-informazzjoni m’għandux jiġi miċħud jew jesperjenza dewmien sakemm jirċievi din l-informazzjoni speċjalment meta l-pubbliku għandu d-dritt li jkun jaf din l-informazzjoni.
//= $special ?>