L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ospita laqgħa multilaterali f’pajjiżna ma’ rappreżentanti għolja mill-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar imsejħa SAIs… u li kienu ġejjin mill-Maċedonja ta’ Fuq, il-Polonja, u s-Serbja. Dan sabiex titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali fl-awditjar tas-settur pubbliku.
Immexxija mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara, il-laqgħa kienet tinkludi diskussjonijiet dwar l-indipendenza tas-SAI, il-verifiki tas-sostenibbiltà, l-involviment tal-partijiet interessati, u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-preżentazzjonijiet ewlenin indirizzaw prijoritajiet urġenti tal-awditjar.
Is-SAI tal-Polonja ddiskutiet l-isforzi tagħha biex tissalvagwardja l-awtonomija istituzzjonali permezz ta’ mekkaniżmu rapidu għall-indipendenza tas-SAI.
L-Uffiċċju Malti enfasizza lir-rwol ta’ verifika tas-sostenibbiltà fl-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza.
Is-SAI tal-Maċedonja ta’ Fuq esplorat strateġiji għat-titjib tal-involviment tal-partijiet interessati, filwaqt li s-SAI tas-Serbja eżaminat l-importanza li l-pajjiż jimplimenta l-Aġenda 2030.
Il-laqgħa mhux biss saħħet l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali fit-tisħiħ tal-governanza u l-effettività tal-awditjar, iżda dawk preżenti taw għarfien dwar l-aħjar prattiċi għat-titjib tal-kredibbiltà u l-impatt tal-istituzzjonijiet tal-awditjar.