Mara ta’ 52 sena minn Ħaż-Żabbar ġiet immultata €2,300 wara li nstabet ħatja li weġġgħat koppja li kienet fuq mutur meta daħlet fil-karreġġjata li kienu għaddejjin minnha. Josanne Gatt instabet ħatja li wettqet dan ir-reat li fid-19 ta’ Awwissu 2023, għall-ħabta tad-9.30am fil-Gżira.
Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabitha ħatja li bi traskuraġni jew nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti, ikkaġunat ġrieħi ħfief lis-sewwieq tal-mutur u ġrieħi gravi fuq martu. Is-sewwieq tal-mutur xehed li huwa kien ġej min-naħa ta’ Tas-Sliema fid-direzzjoni lejn il-Gżira meta kif wasal ħdejn karozza din qabżet il-karreġġjata u ġiet għal fuqu fejn qalbet lilu u lil martu.
Kompla jgħid li lilu sarulu diversi punti f’saqajh u għamel ħames ġimgħat barra mix-xogħol waqt li martu damet sitt ġimgħat nieqsa mix-xogħol. Martu kkonfermat dak li ġara fix-xhieda tagħha fejn qalet li kienu sejrin lura wara li marru l-baħar. Hija ċaħdet li żewġha kien liebes flip-flop.
Gatt għażlet li tixhed fejn insistiet li hija ħarset mill-mirja u ma rat ħadd ġej waqt li qalet li l-mutur ġie min-naħa tax-xellug. Qalet ukoll li meta seħħ l-inċident ħarġet tgħinhom, qaltilhom biex ma jinkwetawx għax saħħithom l-ewwel u marret iġġibilhom l-ilma.
Wara li semgħet il-verżjonijiet ta’ dawk involuti fl-inċident il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkonkludiet li l-akkużata daħlet fil-karreġġjata tal-mutur wara li ma ħarsitx jew ma ħarsitx sew u sostniet li din kienet il-kawża tal-inċident.
Minbarra l-multa ta’ €2,300 skwalifikatilha l-liċenzja tas-sewqan għal 15-il ġurnata u naqqsitilha 10 punti mil-liċenzja tas-sewqan.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Diane Vella
//= $special ?>