mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Biex tikkuntrasta dak kollu li huwa antidemokratiku trid sempliċement ferm aktar demokrazija. Trid aktar spazju sabiex din is-sistema, li tiggarantixxi ħajja aħjar, timraħ fih. Jista’ jkollha d-difetti li l-bnedmin li jikkomponuha għandhom fihom. Biss, ir-rimedju mhuwiex li tnaqqsilha mill-ispazju.
Tista’ żżid fil-liġijiet sabiex tibni, kemm tista’, il-garanziji li ħafna jippretendu li jkun hemm. Tista’ tfittex bnedmin iffurmati biex jidħlu jieħdu sehem u tista’ tassigura aktar mezzi biex tifforma sew lil dawk li għandek diġà. Tista’ tagħti aktar ħin u widen lil dawk li jservu fil-politika u tista’ wkoll ma taħsibx li minn barra għandek is-soluzzjonijiet ta’ ġewwa. Għall-Parlament ma hemmx għaqdiet jew organizzazzjonijiet superjuri għalih fil-kamp demokratiku.
Romano Prodi (1939)
Ftit ilu, dan il-bniedem li serva lil pajjiżu u li kliemu fih ħafna sens u sustanza, ġie mistoqsi mill-gazzetta La Repubblica dwar il-pożizzjoni demokratika fl-Italja llum. Fuq id-domanda: “E le ragioni della crisi quali sono?” (U r-raġunijiet tal-kriżi, x’inhuma?), huwa jwieġeb hekk: “Pensare che democrazia significhi che se vinci le elezioni puoi fare quel che vuoi. Il voto, legittima il comportamento autoriario. Lo strumento principe della democrazia viene usato per ucciderla.” (Il-ħsieb li d-demokrazija tfisser li jekk inti tirbaħ l-elezzjoni tista’ tagħmel dak li trid. Li l-vot jilleġittima l-aġir awtoritarju. L-istrument prinċipali tad-demokrazija jiġi użat biex din tinqatel.)
Hija sfida
Kliem li jmexxina nifhmu ferm aktar l-isfidi li għandna llum, fejn id-dinja trid tidher dominata minn vuċijiet awtoritarji. Nistgħu nittolleraw, nibqgħu pass lura, ma ngħidux l-affarijiet kif inhuma, imma fir-realtà hija dik il-pożizzjoni. Direttament jew indirettament, ħlief diskors kontra dawk li jħaddnu sistemi demokratiċi m’aħniex naraw. Għax jekk tħares bħala mira dik li tolqot lill-Unjoni Ewropea, fil-fatt qiegħed tipprova tattakka u tnaqqas mis-saħħa vuċi demokratika li f’ħafna hija wkoll kuxjenza mondjali.
L-għarfien li hemm, fost il-kbar tad-dinja, sistemi li jiggarantixxu lil xulxin proprju għax marbuta ma’ linji ta’ libertajiet u drittijiet fundamentali li jistgħu jibqgħu jimirħu għax huma f’demokrazija. Dawk li jagħmlu dinja aħjar għall-bnedmin.
Iggarantiet ukoll
F’dan hija kabbret u ggarantiet li l-ekonomiji ta’ dawn in-nazzjonijiet jikbru. Dan fil-libertà kummerċjali fi ħdan regoli ċari li jiggarantixxu l-kompetizzjoni ġusta mibnija fi stat tal-liġi. Fi stat fejn kull min qiegħed f’din il-linja ta’ ħidma jagħraf li mhuwiex sew li jkun hemm min ikollu vantaġġi ‘speċjali’ fuq oħrajn.
Dak il-vantaġġ, flok ikabbar il-libertà u l-kummerċ, iċekkinhom. Flok jippermetti lil dawk li jkollhom ideat ġodda u li huma intraprendituri veri li jiffjorixxu, isibu ruħhom imxekkla minn dawk li għandhom il-ħbiberiji. Dawk li jersqu wisq viċin il-politiċi, li jixtruhom u li jdaħħluhom fejn m’għandhomx. F’ħafna, parti mit-traġedja li qed ngħixu f’pajjiżna fil-proċessi li qed naraw, hija din. Konnessjonijiet imwielda mill-inċens u t-tqassim lura ta’ ħidmiet żbaljati.
Kieku
Fil-verità, kollox jiddependi fuq numru ta’ fatturi. Fuq naħa kemm min qiegħed imexxi hu skrupluż u attent fil-ġurament tiegħu li jkun u jaġixxi demokratikament fis-servizz tas-sistema. Fuq in-naħa l-oħra kemm is-sistema demokratika tkun b’saħħitha biex tikkontrolla fejn ikun hemm l-attitudni ta’ kif qal Prodi: “Il voto, legittima il comportamento autoritario.”
Parti oħra minn dak li aħna llum ġej mill-passat reċenti li jħammar il-wiċċ ta’ diversi, li ppermetta linja li bniet lilha nfisha madwar il-kult tal-personalità. Ħafna ċekknu l-gravità antidemokratika ta’ dak li kien għaddej. Oħrajn daħlu parti minnha fil-kompromessi bejn is-sewwa u dak li mhuwiex. Fil-verità f’dan, fl-aħħar tal-ġurnata kollox iddependa u jibqa’ jiddependi fuq kif, u kemm wieħed hu kapaċi juża l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-iktar il-Parlament.
Il-Kamra tad-Deputati
Forsi ftit jifhmu kemm il-Parlament hu determinanti mill-ħajja soċjoekonomika tagħna. Mhuwiex biss il-kumitat tal-politiċi: huwa ferm aktar. Meta tiġi biex tmissu trid iżżomm f’moħħok li mhuwiex kumpanija kummerċjali. Mhux post fejn hemm diretturi u managers, imma ferm aktar.
Il-Parlament mhuwiex hemm biex jiġġustifika l-eżistenza tiegħu fuq bażi ekonomika, jew jekk jagħmilx sens li jkollna Parlament abbażi ta’ kemm qed inħallsu jew kemm qiegħed ikun hemm xi forma ta’ prodott ‘semiindustrijali’. Il-valur tad-deputat mhuwiex skont kemm jitħallas onorarja. Anqas kemm hemm ‘impjegati’ tal-Parlament li qed inħallsu ‘żejda’. Wisq inqas ma tgħodd xi forma ta’ loġika li aktar ma tħallashom, aktar ma jkunx hemm tentazzjonijiet.
F’dan, u għalhekk ukoll, is-sistema demokratika hija miftuħa proprju biex tikxef id-differenza bejn dawk li jidħlu biex iwettqu l-ġid komuni u dawk li jħarsu aktar lejn dak personali.
Kif qegħdin
Fil-verità, għandna bżonn ta’ iktar ħin dedikat għall-ħidma fil-Kamra tad-Deputati. Jidher ċar li tnax-il siegħa ta’ seduti mhumiex biżżejjed. Ma’ dan hemm aktar il-problema li l-gazzetti u l-midja, sforz dak li jmissu ekonomikament miegħu biex jibqgħu għaddejjin, naqqsu mill-attenzjoni tagħhom lejn il-ħidma normali u regolari li ssir hemm ġew. Hemm vojt fin-nuqqas ta’ informazzjoni, bir-riżultat li hawn min jaħseb li l-ħidma ma ssirx jew li dak jsir mhuwiex importanti għalih. Ċertament sitwazzjoni fejn l-għarfien li fil-Parlament hemm diskussjoni neċessarja u salutari mhijiex tafferma ruħha. Għalhekk hemm bżonn ta’ iktar spazju u mhux inqas spazju demokratiku.
Meta f’dan kollu wieħed iħares u jikkunsidra: l-ewwel, li jista’ jitnaqqas il-ħin għad-dispożizzjoni; it-tieni, tnaqqis fin-numru ta’ bnedmin li jiffurmawh; it-tielet: ir-rappurtaġġ ta’ dak li għaddej fih, fir-realtà jkun qiegħed jaċċetta u jkun parteċipi fit-tnaqqis tad-demokrazija. Għax huwa essenzjali li d-demokrazija tkun preżenti aktar, u li fil-fatt m’għandhiex il-bżonn li tkun effiċjenti, imma effikaċi.
Ma tantx naqbel
F’dan ma naqbilx ma’ min qiegħed jiddikjara li d-deputati għandhom jonqsu. M’għandhomx. Aktar ma jkun hemm mill-esperjenza politika li ġbart, aktar għandek garanziji li l-vuċi tal-poplu tinstema’. Iktar, għax qed tassigura li hemm bnedmin li jisimgħu, jiltaqgħu u jmissu direttament mal-problemi li għandu l-poplu.
Lanqas ma naqbel li trid tirriduċi lil kull deputat sabiex isir ‘full-time’. Magħluq f’bozza jagħmel dak li ħaddieħor, li għandu l-mezzi, jiddeċiedi li jridu jwettaq. Kull deputat għandu jirċievi onorarja ġusta, imma l-ħeġġa tiegħu biex jaħdem m’għandhiex tkun marbuta ma’ dan.
Oligarkija
Kull min jidħol fil-kamp politiku jrid jiġi mħajjar biex ikun jista’ jidħol u joħroġ minnu għax għandu l-libertà. Dik li jkompli fil-professjoni u x-xogħol normali tiegħu u mhux isib ruħu fir-rikatt li jekk joħroġ u ma jikkonformax ma’ dak li ma jaqbilx miegħu se jsib il-vojt. Diġà hija diffiċli għal min huwa Ministru jwettaq dan. Ma nġibuhiex ukoll għal kull deputat. U wisq aktar f’dan, fuq in-naħa l-oħra, għandna nkunu attenti li ma nżidux il-ħsieb li kellna ftit ilu li jista’ jkollok ġabra ta’ oligarki fil-poter.
Il-libertà demokratika titlob riflessjoni attenta, korretta, u minn ottika politika u mhux ekonomika jew neoliberali tas-suq jew tal-korporattiv. Dan għaliex id-demokrazija hija dik is-sistema li tiggarantixxi l-futur tal-pajjiż tagħna.
F’dan għandna nifhmu li aktar deputati mhumiex xi żvantaġġ għas-sistema, imma assikurazzjoni għaliha.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 18 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>