Il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi prima facie biex Il-kuntratturi Kurt Galea ta’ 33 sena u Anthony James Fisher ta’ 42 sena, kif ukoll wieħed mid-diretturi tal-kumpanija Oratorian Capital Ltd. proprjetarja tal-binja; Luca Micelli Demajo ta’ 33 sena jitqgħiedu taħt att ta’ akkuża.
Dan b’rabta ma’ każ ta’ omiċidju involontarju fil-konfront tal-Albaniż Bari Balla li tilef ħajtu f’sit ta’ kostruzzjoni. Il-Qorti iżda ddikjarat li m’hemmx biżżejjed provi prima facie fil-konfront ta’ Samuel Borg ta’ 34 sena, wkoll direttur tal-kumpanija Oratorian Capital fuq qtil involontarju.
Issa għalhekk huma tliet persuni minn erbgħa li se jibqgħu għaddejjin bil-każ ta’ omiċidju involontarju dwar il-mewt ta’ ħaddiem fil-kostruzzjoni ta’ nazzjonalità Albaniża wara li waqa’ fuqu bini f’Tas-Sliema.
Bari Balla (ritratt tal-vittma), ħaddiem tal-kostruzzjoni, missier ta’ sitt itfal, miet f’April tas-sena l-oħra meta waqa’ fuqu s-saqaf ta’ proprjetà f’Tas-Sliema waqt li kien qed jaħdem fuqha. Il-vittma kellu 51 sena u kien joqgħod Ħaż-Żebbuġ.
Ibnu tar-rispett Genti Prodani ta’ 31 sena, li kien qed jaħdem ukoll fuq il-post, sofra numru ta’ ġrieħi waqt il-kollass. Il-kuntratturi Kurt Galea ta’ 33 sena, u Anthony James Fisher ta’ 42 sena kif ukoll id-diretturi ta’ Oratorian Capital Ltd., il-kumpanija li kienet il-proprjetarja tal-binja; Luca Micelli Demajo ta’ 33 sena u Samuel Borg ta’ 34 sena, ġew akkużati b’omiċidju bi ksur tas-sigurtà.
L-erbgħa dejjem wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom. Id-deċiżjoni ngħatat it-Tlieta waranofsinhar, mill-Maġistrat Ann Marie Thake. L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), li tirregola x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, kienet qalet li x-xogħlijiet fis-sit kienu illegali peress li ma kinitx infurmata dwarhom.
“Ix-xogħlijiet ma kellhomx approvazzjoni sħiħa tal-PA u ma ġiet ippreżentata l-ebda applikazzjoni lill-BCA, li jfisser li x-xogħlijiet ma kinux permessi,” hija kienet qalet. L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qalet ukoll li ma ġietx notifikata bix-xogħlijiet.
L-inċident kien l-aħħar minn sensiela ta’ traġedji relatati mal-kostruzzjoni li laqat lil Malta, u l-ewwel wieħed li involva mwiet minn mindu ġiet ippubblikata inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia fi Frar tas-sena li għaddiet.
L-inċident f’Tas-Sliema kien simili għall-mewt ta’ Paul Sofia ta’ 20 sena, li miet f’sit ta’ kostruzzjoni wara li bini f’Kordin waqa’ fuqu fl-2022. L-inkjesta pubblika dwar mewtu sabet bosta nuqqasijiet fis-settur tal-kostruzzjoni. Peress li ma nstabux biżżejjed provi fil-konfront ta’ Samuel Borg fuq qtil involontarju, il-Qorti ordnat li jsir is-separazzjoni tal-ġudizzju.
L-Avukat Stefano Filetti qed jirrappreżenta lill-kuntratturi. L-Avukat Charles Mercieca qed jidher għal Samuel Borg. L-avukati Michael Grech, Joe Giglio u Michaela Giglio irrappreżentaw lil Luca Miceli Demajo. L-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Francesca Zarb kienet parte civile.
Il-każ ikompli fl-24 ta’ April, fin-12.30pm.
//= $special ?>