Sport Sport Ieħor

Absa Cape Epic: Aquilina sfurzata tirtira mill-kompetizzjoni, Bonello jkompli bħala parteċipant individwali

Iċ-ċiklista Maltija Marie Claire Aquilina kienet sfurzata tirtira mill-Absa Cape Epic illum wara li sofriet uġigħ qawwi minħabba l-inċident  li ġarrbet ftit ġranet ilu. Minkejja d-determinazzjoni tagħha li tkompli, l-uġigħ kient tant li għamilha impossibbli li tkompli, speċjalment fuq it-tlajja’ diffiċli li ddefinixxew l-istadju tal-lum.

Kmieni matul il-ġurnata, Aquilina u Etienne Bonello, sfidaw kundizzjonijiet estremi, b’temperaturi li laħqu 40 grad Celsius u terren tekniku li ttestja anke l-aktar atleti esperjenzati.

Madankollu, hekk kif l-uġigħ tagħha kompla jiggrava, sar ċar li kieku kompliet hi setgħet tpoġġi f’riskju serju s-saħħa tagħha. Bil-pass tagħhom—biss 20km fi żewġ sigħat—kienu wkoll f’periklu li ma jilħqux il-limitu tal-ħin għat-tielet stadju.

“Bil-biċċa l-kbira tat-tlajja’li kien ser jkollna niffaċċjaw u s-sħana estrema, kellna nieħdu d-deċiżjoni diffiċli li Marie Claire tirtira,” spjega Bonello. “Kien mument diffiċli ħafna, imma s-saħħa tiġi l-ewwel.”

Minħabba li r-regoli jippermettu li ċ-ċiklisti jkomplu bħala kompetituri individwali, Aquilina u Bonello qablu li Bonello għandu jibqa’ miexi waħdu, f’tentattiv li jtemm il-kompetizzjoni fiż-żmien stipulat. Minkejja l-kundizzjonijiet brutali li wasslu biex ħafna parteċipanti jieqfu,—b’ħafna minnhom minħabba s-sħana qawwija—Bonello laħaq b’suċċess iċ-checkpoints meħtieġa.

“Il-kwantità ta’ tlajja’ u t-terren tekniku kienu estremi,” irrimarka Bonello. “Illum kien jum ieħor ta’ sfida kbira, u s-sħana kienet ta’ deterrent għal ħafna atleti.”

Bit-tielet stadju kkompletat, Bonello issa jħares lejn r-raba stadju li joffri sfida oħra iebsa bi 80km ta’ distanza u 1,950m ta’ tlajja’. Issa li ser jkolli jtellaq waħdu, Bonello jrid juri determinazzjoni kbira minħabba t-terren li għandu quddiemu f’dan l-istadju.

Il-parteċipazzjoni ta’ Bonello u Aquilina fl-Absa Cape Epic saret possibbli grazzi għas-sostenn ta’ Meerendal Wine Estate, Kalamba Games, Garmin, BBB Cycling, The Sports Medics, Go&Fun, Visit Malta, u Wurth. Il-vjaġġ tagħhom huwa wkoll appoġġjat mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, bil-kollaborazzjoni tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.