Internazzjonali

Ħaddiema tan-NU vittmi tal-attakki ġodda tal-Iżraeljani fuq Gaza

In-Nazzjonijiet Uniti kkonfermat li tal-anqas tnejn mill-ħaddiema tagħha tilfu ħajjithom f’ħin meta l-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael kienu qed jattakkaw kumpless fil-Medda ta’ Gaza. Fl-azzjoni ndarbu wkoll ħaddiema oħra. Il-kelliema għan-NU qalu li ċ-ċirkustanzi tal-imwiet ma kenux ċari waqt li l-grupp Ħamas f’Gaza qed jgħid li l-Iżraeljani mhumiex jiddiskriminaw fl-attakki u f’ċirkustanzi fejn ‘kulħadd sar mira’.

Fl-aħħar sigħat, daħlu rapporti li ħames ħaddiema barranin man-NU kienu qed ikunu trattati l-isptar għall-feriti kritiċi. Sadanittant, il-militar Iżraeljan ċaħad li ried, b’xi mod, jattakka l-kumpless tan-NU fl-inħawi ta’ Deir al-Balah.

Madankollu, hu minnu li Iżrael qed ikompli bl-azzjonijiet militari fuq Gaza wara waqfien mill-ġlied ta’ xahrejn. Azzjonijiet fejn spikkaw l-attakki ta’ nhar it-Tlieta mill-qawwiet Iżraeljani li rriżultaw f’aktar minn 400 vittma Palestinjani.

Dan ukoll waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, sostna li Iżrael, issa, ‘daħal mill-ġdid u bil-forza kollha fil-fażi ġdida tal-kumbattimenti mal-Ħamas’.

Rapporti oħra, fl-istess ħin, irreferew għal tal-anqas 15-il Palestinjani maqtula waqt numru ta’ attakki mill-ajru fuq Gaza li seħħew matul illejl tat-Tlieta u l-Erbgħa.

Il-paramediċi tal-Fergħa Iżlamika tas-Salib l-Aħmar irreferew anki għall-qtil u feriment tan-nies meta drone tal-Iżraeljani laqat tinda fiz-zona umanitarja ta’ al-Mawasi.

L-Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, qalu li l-ajruplani tagħhom immiraw speċifikament għal sit militari tal-Ħamas fejn it-terroristi Palestinjani kienu qed iħejju biex jisparaw ir-rokits lejn Iżrael.

U waqt li l-aħħar azzjonijiet militari ta’ Iżrael ma kenux fuq l-istess skala tal-offensiva tat-Tlieta, l-iżviluppi jindikaw li l-Iżraeljani mhumiex beħsiebhom inaqqsu mill-qilla tal-attakki fuq il-Ħamas matul il-jiem li ġejjin.

Min-naħa tiegħu, Tom Fletcher, is-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet Umanitarji, qal li dawn l-azzjonijiet minn Iżrael qed jindikaw ‘intensità allarmanti fl-attakki ’li jistgħu huma biss preludju għal kampanja militari ġdida għat-tul taż-żmien u li għandha tkompli tnaqqar mill-popolazzjoni ta’ Gaza.