Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tinsab taħt allert wara s-sejba ta’ każ ta’ tuberkolożi fost il-priġunieri.
Il-priġunier ittieħed l-Isptar Mater Dei nhar il-Ħadd li għadda wara li żviluppa xi sintomi; liema sintomi ġew ikkonfermati bħala Tuberkolożi jumejn wara.
Intant, ġie spjegat li meta dan il-priġunier daħal il-ħabs sarulu t-testijiet mediċi kollha mitluba.
Minn informazzjoni li waslet minn ġewwa għand Net News, jidher li l-priġunier, li hu Marokkin u li irriżulta pożittiv għat-Tuberkolożi ….kien jinsab f’division 11. B’din id-division kollha issa tinsab iżolata fil-Barracks tal-Armata.
Ġie spjegat li l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ħadet il-prekawzjonijiet kollha – bil-contact tracing ta’ 3 ġimgħat u testijiet mediċi ta’ 82 persuna – liema testijiet s’issa rriżultaw kollha fin-negattiv.
Minkejja li d-division kollha tinsab f’iżolament, xorta waħda hemm biża’ fost il-priġunieri li jista’ jkun hemm priġunieri infettati.