Lokali

Il-membri tal-Gvern jaħarbu milli jwieġbu dwar ir-rapport diżappuntanti fuq id-demokrazija

Il-Membri Parlamentari Laburisti għażlu li jaħarbu mill-mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon wara li ġew affaċjati bir-rapport Ewropew, inkwetanti, li iddeskriva s-sitwazzjoni tad-demokrazija f’Malta bħala “staġnata”.

Dan ir-rapport ta’ elf paġna tkellem speċifikament dwar il-ħidma tal-Gvern Malti, u jindika kif sar ftit li xejn fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni . Apparti minn hekk, dan ir-rapport li sar fuq livell Ewropew jikkonferma li fil-Gvern ta’ Abela jeżistu problemi ta’ nuqqas ta’ kontabbiltà.

Mhux hekk biss. Jissemmew anke l-attakki fuq il-membri tal-ġudikatura u dik li r-rapport issejjaħ “manipulazzjoni politika”.

Madanakollu d-deputati tal-Gvern baqgħu jiddefendu anke l-ħażin li aċċena għalih dan ir-rapport. B’membri tal-Kabinett spiċċaw idur jippuntaw subgħajhom lejna – b’uħud minnhom kważi isteriċi.

Kif juru dawn il-filmati, il-membri tal-Gvern spiċċaw infexxew f’attakk partiġġjan fil-konfront tal-PN minflok wieġbu d-domandi dwar id-demokrazija “staġnata” li tkellem dwarha ir-rapport Ewropew.