Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja tal-Arċisqof Emeritu ta’ Malta Monsinjur Pawlu Cremona OP li ħalla din id-dinja matul il-lejl li għadda fl-età ta’ 79 sena.
Il-Partit Nazzjonalista jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-Arċisqof Emeritu għal din it-telfa. Jibgħat ukoll il-kondoljanzi lill-Arċisqof Monsinjur Charles J Scicluna, l-Arċidjoċesi u l-Knisja f’Malta, u lill-komunità Dumnikana.
L-Arċisqof Emeritu Cremona ddedika ħajtu għall-komunità. L-umiltà, is-sens ta’ mħabba li kien jittrażmetti u t-tbissima ħelwa ta’ Monsinjur Pawlu Cremona jibqgħu f’qalb dawk kollha li kienu jafuh jew ħadmu mill-qrib miegħu, imma jibqgħu wkoll il-karatteristiċi prinċipali li mmarkaw il-perjodu tat-tmexxija tiegħu fit-tmun tal-Knisja f’Malta kemm dam Arċisqof bejn l-2007 u l-2014.
Il-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem mal-Arċisqof Scicluna kmieni dalgħodu u għaddielu personalment il-kondoljanzi f’isem il-familja tiegħu u f’isem il-Partit Nazzjonalista.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja tal-Arċisqof Emeritu u esprima n-niket għat-telfa tiegħu. Hu qal li l-poplu Malti tilef qaddej twajjeb li ħabb u għamel ħafna ġid ma’ kulħadd mhux biss bil-kelma ħelwa tiegħu u bl-eżempju iżda wkoll bit-tbissima ġenwina tiegħu.
Bernard Grech fakkar fiż-żjara li għamillu m’ilux fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara u kiteb: “Ftit ġranet ilu, meta żortu, kien għadu kif nafuh ilkoll, joffrilek kelma ta’ ġid u mħabba.”
//= $special ?>