L‑Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. għadda għall‑ħajja dejjem fl‑età ta’ 79 sena.
Huwa twieled il‑Belt Valletta fil‑25 ta’ Jannar tal‑1946. Kien innominat Arċisqof ta’ Malta fit‑2 ta’ Diċembru 2006 u ħa l‑pussess ta’ Arċisqof fis‑26 ta’ Jannar 2007. Huwa rtira minn Arċisqof fit‑18 t’Ottubru 2014, fl‑età ta’ 68 sena.
L‑Arċisqof Cremona ħalla din id‑dinja f’11:55pm tal‑bieraħ, it‑Tlieta, 18 ta’ Marzu, fl‑Isptar Mater Dei.
F’isem il‑Knisja f’Malta, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal li l‑Knisja tibki t‑telfa tal‑maħbub Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u sellem il‑memorja tiegħu bħala ragħaj fidil u mimli mħabba li l‑Knisja qed “tafdah f’idejn il‑ħniena tar‑Ragħaj it‑Tajjeb”.

Fuq il-media soċjali, il-Kap tal-PN Bernard Grech stqarr li l-poplu Malti tilef qaddej twajjeb li ħabb u għamel ħafna ġid ma’ kulħadd mhux biss bil-kelma ħelwa tiegħu u bl-eżempju iżda wkoll bit-tbissima ġenwina tiegħu.
Bernard Grech qal illi sa ftit ġranet ilu, meta żaru, kien għadu kif nafuh ilkoll – joffrilek kelma ta’ ġid u mħabba.
Anke AnneMarie Grech fissret kif Mons. Cremona kien ħabib tal-familja, u ddeskrivietu bħala persuna li dejjem kien jinteressa ruħu f’kulħadd.
Intant, il-Prim Ministru ħabbar li l-funeral ta’ Mons Cremona se jkun koordinat bejn il-Knisja u l-Istat Malti.

