Internazzjonali

It-Turkija: Rivali ewlieni ta’ Erdogan miżmum taħt arrest… protesti fit-toroq kontra l-Gvern

L-awtoritajiet Torok, fl-aħħar sigħat, arrestaw lil Ekrem Imamoglu, is-Sindku ta’ Istanbul, jiem biss qabel kellu jintgħażel bħala kandidat biex jisfida lill-President attwali, Recep Tayyip Erdogan, għall-Presidenza tat-Turkija.

Imamoglu, membru tal-Partit tal-Poplu Repubblikan (CHP) sekulari, ilu meqjus bħala wieħed mill-aktar rivali politiċi b’saħħithom ta’ Erdogan.

Dan minkejja li l-prosekuturi qed jakkużaw lil Imamoglu dwar korruzzjoni kif ukoll bħala ‘sostenitur’ ta’ grupp terroristiku. Allegazzjonijiet li jindikaw li l-prospetti politiċi tas-Sindku ta’ Istanbul qed jinkwetaw lit-tmexxija Torka, tant li l-awtoritajiet anki rreferew għalih bħala ‘kap suspettat ta’ organizzazzjoni kriminali’.

Intant, il-Pulizija arrestat mal-100 persuna – fosthom politiċi, ġurnalisti u negozjanti – bħala parti mill-investigazzjoni. Dan waqt li l-Uffiċċju tal-Gvernatur ta’ Istanbul impona erbat ijiem konsekuttivi ta’ restrizzjonijiet għall-pubbliku f’din il-belt.

Min-naħa tiegħu, Imamoglu qal li l-ebda miżuri ripressivi mhuma se jċaħħdu lill-poplu milli jesprimi r-rieda tiegħu. U f’messaġġ fuq il-midja soċjali, hu ħalef li se jibqa’ sod ‘għall-poplu tat-Turkija u għal kull min jiddefendi d-demokrazija u l-ġustizzja madwar id-dinja’.

Sadanittant, żbruffaw il-protesti fit-toroq tat-Turkija, kif ukoll fuq il-campuses tal-università u fil-hubs tat-trasport taħt l-art. Azzjonijiet fejn il-folol għajtu slogans kontra l-Gvern f’dimostrazzjoni pubblika ta’ rabja fuq livell rari f’dan il-pajjiż.