Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Play-Off – Finali bejn Luxol Sherries Estates u Hibernians

(Ritratt: Stephen Christopher Vellla)

Colin Schembri

Starlites JSD…………………..65

Luxol Sherries Estates…..74

(15-16)(23-21)(15-16)(22-21)

Luxol Sherries Estates temmew ir-renju ta’ Starlites fil-kampjonat li rebħu għal dawn l-aħħar tlett staġuni meta għelbuhom ukoll fit-tieni semi-finali tal-play-offs 74-65 biex ħadu post fil-finali. L-aħħar dehra ta’ Luxol fil-finali tal-kampjonat tmur lura għall-istaġun 2016/17 fejn dakinhar kienu rebħu wkoll l-aħħar kampjonat tagħhom. Għal Starlites, l-istaġun beda kmieni ħafna bil-parteċipazzjoni fil-FIBA Euro Cup u ntemm b’żewġ unuri tas-Super Cup u n-Knock-out. Għal din il-partita Starlites inkludew lil Zekiah Owens. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn Starlites marru fuq quddiem fosthom bi trippla ta’ Kurt Xuereb. Starlites żammew il-vantaġġ sa’ nofs is-sessjoni 11-6 però hawn Luxol wettqu reazzjoni bi break ta’ 10-0 li ra fost l-oħrajn lil Nathan Xuereb u Stefan Cappello jagħmlu l-ewwel trippli tagħhom biex marru 16-11 minn fuq. Starlites irkupraw bi trippla ta’ Owens però kienu Luxol li temmew it-taqsima 16-15 minn fuq. Luxol kabbru l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni sessjoni b’punti konsekuttivi minn Mccrary qabel ma Starlites għamlu run ta’ 9-2 bil-punti ta’ Owens u Trevon Reddish biex marru fuq quddiem. Huma żammew il-vantaġġ wara trippla ta’ Xuereb però Jandric ukoll għamel trippla għal Luxol. Sa’ minuta u nofs mit-tmiem, Starlites fetħu vantaġġ ta’ 7 punti wara trippla minn Matthew Scerri u basket ta’ Owens iżda Luxol għamlu sitt punti mingħajr risposta għal skor ta’ 38-37.

Wara l-intervall kien hemm bidu bilanċjat qabel ma Luxol kellhom tlett trippli konsekuttivi minn Jandric u Darron Howard biex marru minn fuq. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex it-taqsima ntemmet f’parita 53-53. Starlites marru minn fuq fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni bi trippla ta’ Miguel Fabri. Il-bilanċ kompla jippersisti għalkemm Jean Paul Schembri għamel żewġ trippli kruċjali għal Luxol. Starlites baqgħu viċin però drive ta’ Xuereb poġġiet lil Luxol 6 punti minn fuq b’34 sekonda fuq l-arloġġ. Reddish għamel free-throw minn tnejn biex Luxol għalqu l-partita bil-free-throws ta’ Schembri u basket ta’ Howard fost il-ferħ tal-partitarji tagħhom hekk kif huma ħarġu rebbieħa 74-65.

Starlites JSD: B. Curran 4, Z. Owens 17, A. Aquilina, K. Fabri, I. Felice Pace 6, M. Fabri 3, L. Riolo, M. Scerri 5, K. Xuereb 9, N. Sultana, A. Sultana, T. Reddish 21.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 13, A. Azzopardi 2, I. Azzopardi, V. Jandric 17, JP Schembri 8, N. Xuereb 11, N. Bukva 2, C. Jones Mccrary 18, M. Matijevic, S. Cappello 3, N. Djakovic.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nestor Rincon

Hibernians………………..89

Sigma Depiro…………..70

(24-23)(15-17)(27-16)(23-14)

Hibernians ukoll waslu sal-finali tal-kampjonat Bank of Valletta meta għelbu lil Sigma Depiro 89-70. Għal darb’oħra l-Amerikan Tederick Wolfe kien il-protagonist b’41 punt u 18 -il rebound fil-waqt li kien hemm ukoll id-debutt ta’ James Agyeman li kellhu 15 -il punt, 5 rebounds u 5 assists. Depiro żammew il-pass mal-avversarji sal-intervall fejn saħansitra daħlu jistrieħu punt minn fuq 40-39. Depiro marru minn fuq 8-6 bi trippla ta’ Nikola Bozovic. Wara basket minn Agyeman, kien hemm sensiela ta’ trippli fuq iż-żewġ naħat minn Matthew Attard u Cameron Cornelius biex Hibs fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 21-16. Depiro wieġbu b’seba’ punti mingħajr risposta però trippla minn nofs il-court ta’ Agyeman rat lil Hibs imorru fuq quddiem 24-23. Fit-tieni perjodu Depiro reġgħu marru fuq quddiem bi trippla ta’ Bozovic. Għal ħin twil, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin qabel ma trippla ta’ Stefan Simic waqqfet dan il-bilanċ. Fl-aħħar minuta u nofs, Depiro għamlu 5 punti minn Bozovic u Brandon Porter biex temmew il-perjodu punt minn fuq 40-39.

Wara l-intervall, Hibs bdew ikabbru l-vantaġġ tagħhom. Huma kellhom fost l-oħrajn run ta’ 18-5 bil-punti kollha jaslu minn Wolfe u Agyeman. Depiro tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita bil-punti ta’ Porter flimkien ma’ Cornelius u naqqsu d-distakk għal sitt punti 56-62. Agyeman u Neil Cassar reġgħu wieġbu għal Hibs biex marru 10 minn fuq 66-56. Il-bidu tal-aħħar sessjoni kien f’idejn il-Pawlisti bi break ieħor ta’ 15-3 bi trippla ta’ Cassar u l-punti ta’ Wolfe u Ivan Demcesen. Sean Galea wieġeb bi trippla għal Depiro però Hibs kellhom vantaġġ ta’ 20 punt u kien hemm ħin għal players ta’ fuq il-bank hekk kif huma baqgħu jikkontrollaw u ħarġu rebbieħa 89-70.

Hibs: N. Cassar 5, T. Wolfe 41, P. Attard, L. Farrugia 3, V. Kustodija, A. Axiaq 2, M. Gouder, M. Attard 6, M. Mallia 3, J. Agyeman 15, I. Demcesen 11, S. Simic 3.

Sigma Depiro: S. Galea 5, D. Bugeja 14, N. Bozovic 15, N. Zivkovic, L. Stefanovic, A. Trapani, B. Porter 17, M. Brincat, C. Cornelius 10, M. Debattista, J. Guity 9.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia