Colin Schembri
Luxol Bolt…………….87
Depiro………………….30
(24-11)(20-8)(23-2)(20-9)
Luxol bdew din il-finali bħala favoriti netti hekk kif huma temmew l-istaġun regolari bla telfa u bi skwadra magħmulha minn diversi players tal-ewwel diviżjoni. Depiro minn naħa tagħhom għandhom team bi prospettivi sbieħ hekk kif uħud mill-players għadhom jimmilitaw fil-kampjonat ta’ taħt is-sittax –il sena. Il-partita fetħet bit-team ta’ Luxol jieħdu vantaġġ ta’ seba’ punti 9-2 bil-baskets ta’ Vanya Baldacchino u Anna Fenech Pace. Wara basket minn Claire Portelli għal Depiro, Luxol għamlu run ta’ 13-1 bi trippla ta’ Baldacchino u punti minn Gwenn Carabott u Sarah Fenech Pace u temmew l-ewwel sessjoni 24-11 minn fuq. Fit-tieni perjodu kien hemm sitt punti konsekuttivi minn Luxol qabel ma Kristie Sammut wieġbet għal Depiro. Baldacchino għamlet trippla oħra hekk kif Luxol komplew jinqatgħu fuq quddiem b’aktar punti ta’ S. Fenech Pace flimkien ma’ Rebecca Fenech Pace u daħlu jistrieħu 44-19 minn fuq.
It-tielet taqsima kienet dominata totalment mill-players ta’ Roderick Vella li ħallew lil Depiro fuq basket wieħed biss minn Sammut. Fil-fatt, kien wara li Luxol għamlu l-ewwel sitt punti tat-taqsima li waslet l-unika risposta ta’ Depiro. Minn hemm ‘l quddiem assistejna għal run ta’ 17 –il punt mingħajr risposta minn naħa ta’ Luxol fejn fost l-oħrajn kien hemm trippli minn Baldacchino u Lou Bitzberger u punti ta’ Jada Said u R. Fenech Pace. It-taqsima ntemmet bil-Luxol 67-21 minn fuq biex l-aħħar sessjoni kienet biss formalita. Luxol kellhom fost l-oħrajn aktar punti minn Bitzberger u Baldacchino hekk kif huma ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 87-30. It-tieni finali tintlagħab fit-2 ta’ April fis-6.15.
Luxol: G. Carabott 6, R. Fenech Pace 4, S. Sciberras 8, M. Marmara, J. Said 3, S. Fenech Pace 10, L. Bitzberger 13, V. Baldacchino 30, A. Fenech Pace 13.
Depiro: Y. Mangion, C. Attard, C. Portelli 8, K. Sammut 10, S. Deguara 4, R. Fenech, T. Mifsud 3, M. Borg, H. Farag 1, H. Casaletto, L. Nel, A. Ciurariu 4.
Referees: Nicky Azzopardi, Andre Attard, Wendell Lim
//= $special ?>