“Il-paċi ma jistax tkun hemm mingħajr erba’ affarijiet. Il-verità, libertà, imħabba u ġustizzja. Jekk tonqos waħda, m’hemmx paċi.”
Kien fit-2 ta’ Diċembru 2006 meta tħabbret in-nomina tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta u kien ikkonsagrat isqof fis-26 ta’ Jannar 2007.
Il-motto li l-Arċisqof Cremona għażel għall-episkopat tiegħu kien: “Ħejju t-Triq għall-Mulej.” Motto li jispjegah waqt li kien intervistat fil-programm Profili.
Matul il-ħajja saċerdotali tiegħu, Mons. Cremona qeda f’diversi uffiċċji oħra tal-Arċidjoċesi fosthom Delegat tal-Arċisqof għall-Ħajja Kkonsagrata, Assistent Direttur Spiritwali fis-Seminarju f’Tal‑Virtù, membru fil‑Kunsill Presbiterali kif ukoll President tal‑Kunsill tas‑Superjuri Maġġuri tar‑Reliġjużi Maltin.
Net News tkellem ma’ Monsinjur George Frendo li miż-żgħożija tiegħu ħadem ferm mill-qrib miegħu matul dawn l-aħħar 63 sena hekk kif imxew pass pass flimkien fl-irwoli pastorali tagħhom.
Fr Charles Tabone ħadem ukoll sew mill-qrib tiegħu fejn żgur mhux forsi mhux se jinsa t-tbissima dejjem fuq wiċċu u anke jekk kien ikun għaddej minn żmien diffiċli u jeħtieġ ftit ħin ta’ mistrieħ, qatt ma kien jirrifjuta li jiltaqa’ man-nies.
Ifakkar ukoll lil Monsinjur Cremona, Patri Alan Joseph Adami bħala persuna li kellha sens ta’ paternità, lest biex jgħinek minnufih.
Il‑Papa Franġisku kien laqa’ r‑riżenja ta’ Mons. Cremona minn Arċisqof ta’ Malta fit‑18 ta’ Ottubru 2014.
L-Arċisqof Cremona kien irtira fil-Kunvent tad-Dumnikani r-Rabat, u fl-aħħar snin kien fid-Dar tal-Kleru f’Birkirkara.