Internazzjonali

L-Ukrajna: Attakki ġodda fuq il-faċilitajiet tal-enerġija… minkejja l-wiegħdi u impenji ta’ Putin

epa09863213 A handout photo made available by the press service of the Russian Ministry for Civil Defence, Emergencies and Elimination of Consequences of Natural Disasters (EMERCOM of Russia) shows the site of a fire at the oil depot in the city of Belgorod, Russia, 01 April 2022. According to the Belgorod Region Governor, the fire at the oil depot was caused by an Ukrainian airstrike. EPA-EFE/EMERCOM OF RUSSIA PRESS SERVICE / HANDOUT MANDATORY CREDIT/BEST QUALITY AVAILABLE HANDOUT EDITORIAL USE ONLY/NO SALES

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, akkuża lir-Russja b’li qed tqarraq, fost l-indikazzjonijiet minn Moska li tista’ qed tikkunsidra waqfien mill-gwerra mal-Ukrajna – anki għal żmien temporanju.

U skont Zelensky, ir-reġim ta’ Vladimir Putin xorta qed jaħseb biex iġib pajjiżu għarkupptejh; bil-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, ikomplu bl-attakki fuq iz-zoni ċivili tal-Ukreni.

Zelensky, li kien qed jitkellem wara l-aħħar telefonata bejn il-President tar-Russja u l-President Amerikan, Donald Trump, qal li l-wiegħdi ta’ Putin jistunaw mar-realtà.

Fil-fatt, ir-Russi, matul il-lejl tat-Tlieta, komplew jattakkaw il-faċilitajiet tal-Ukreni għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Attakki li komplew minkejja l-wiegħda dikjarata ta’ Putin biex jevita dawn il-miri għal massimu ta’ 30 jum.

Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża Russu akkuża lill-qawwiet Ukreni dwar attakk speċifiku fuq faċilità għall-ħażna taż-żejt fir-Russja u li skont Moska kien ‘att provokattiv biex iqanqal reazzjoni li turi pajjiżha f’dawl ħażin’.

Hu minnu wkoll li Vladimir Putin, waqt it-telefonata ma’ Trump, ċaħad għal waqfien mill-ġlied totali għall-gwerra mal-Ukrajna li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.

Sadanittant, u minkejja l-avviċinament tal-aħħar jiem bejn Trump u Putin, xi osservaturi jemmnu li l-Mexxej Amerikan, bil-mod il-mod, jista’ qed jitlef is-sabar mal-Mexxej Russu.

Dan għaliex Putin mhux qed jidher lest għal konċessjonijiet sinifikanti biex il-gwerra tintemm u meta t-tmexxija ta’ Washington qed tinsisti għall-konklużjoni tal-konflitt li rriżultat f’wisq telf ta’ ħajja fost il-ħela ta’ finanzi u riżorsi.

L-aħħar rapporti mill-Istati Uniti, fl-istess ħin, sostnew li t-taħditiet dwar l-Ukrajna għandhom ikomplu nhar il-Ħadd li ġej.

Fil-preżent, il-pajjiżi tal-Punent qed jippruvaw jinterpretaw jekk hemmx xi messaġġ partikulari wara l-aħħar attakki mill-qawwiet Russi fuq l-Ukrajna – attakki li seħħew ftit sigħat biss wara d-diskursata telefonika bejn Putin u Trump.

Dan meta kien ukoll ikkonfermat li żewġ bini ta’ sptar fir-reġjun Ukren ta’ Sumy intlaqtu direttament mid-drones tar-Russja – u fejn ma ngħatawx dettalji dwar il-vittmi potenzjali.