mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’
Matul il-jumejn li għaddew, bħala Oppożizzjoni ħriġna ’l barra mill-Parlament. Ħriġna ’l barra għaliex, f’pajjiż demokratiku, għandna obbligu nappellaw kontra d-deċiżjoni tal-Gvern li jidhirlu li jista’ jagħmel mozzjoni kontra l-Oppożizzjoni biex isikkitha u jagħlqilha ħalqha! Dawn huma metodi faxxisti, li jdur għalihom Robert Abela kull meta jsib ruħu dahru mal-ħajt u ma jkollux raġun.
Huwa minnu u evidenti biżżejjed li l-Gvern ta’ Abela ressaq din il-mozzjoni fil-Parlament b’aġir vendikattiv biex jintimida mhux biss lill-Oppożizzjoni imma lill-poplu Malti, għaliex il-poplu Malti rappreżentat mill-Oppożizzjoni fil-Parlament diġà wera kemm-il darba li mhux se jiskot.
Il-protesta kontra Gvern li falla
Dan kien ċar fil-protesta li saret kontra l-Gvern li falla, fejn eluf kbar ta’ nies niżlu fit-toroq biex jieqfu lill-Gvern li qiegħed ifalli. Fil-falliment tiegħu, irid joħnoq id-dritt tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li qiegħda titkellem għaliex għandha dritt, u l-ebda mozzjoni kontra tagħha ma tista’ twaqqafha milli tħares lilhinn mit-teatrini tal-Gvern. Għall-Partit Nazzjonalista, id-demokrazija hija u tibqa’ l-ogħna virtù.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista mhux se jkun kompliċi f’dan l-abbuż ta’ poter tal-Prim Ministru, u għalhekk id-deċiżjoni li l-Oppożizzjoni ma tiħux sehem fid-dibattitu parlamentari marbut ma’ din il-mozzjoni.
Il-protesta tal-Partit Nazzjonalista hija sinjal favur id-demokrazija għaliex l-għodda tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ma għandha qatt tkun immirata lejn xi partit rappreżentattiv jew ieħor.
Abbuż ta’ poter
F’mumenti fejn il-pajjiż għandu diversi kriżijiet li jeħtieġu attenzjoni dibattitu sabiex ikunu indirizzati f’isem il-poplu Malti, il-Gvern qiegħed jaħli ħinu fil-Parlament jattakka lill-Oppożizzjoni. Dan għalhekk hu abbuż tal-poter. Huwa hekk għaliex il-Gvern irid juża l-maġġoranza li għandu fil-Parlament biex jiddevja u jbiddel id-diskussjoni kif u meta jaqbillu, u li minn dan kollu ħadd mhu se jibbenifika xejn ħlief l-ego tal-Prim Ministru li jrid ikompli jidher b’saħħtu quddiem in-nies tiegħu.
Madankollu, il-poplu Malti jaf li Abela jrid biss jgħatti xturu għaliex ma għandux soluzzjonijiet veri għall-problemi tal-pajjiż. Irridu niftakru dejjem li l-Oppożizzjoni mhix Bernard Grech u aħna d-deputati, imma l-123,000 votant li tana mandat elettorali biex inkunu qed nirrappreżentawhom fil-Parlament. Mela, għalhekk aktar ’il fuq għedt li dan huwa attakk fuq in-nies ta’ rieda tajba li jinteressahom mill-pajjiż u minn familthom u mhux mit-teatrin tal-Gvern Laburista. L-intimidazzjoni fil-konfront tagħhom hi biss tentattiv fqir u ddisprat ta’ min ma għandux aġenda oħra għajr li jsikket lil min jipprova jaħdem favur Malta u niesha.
Id-differenza bejn iż-żewġ partiti
F’mumenti bħal dawn, il-Gvern allura jaġixxi ta’ Prosekutur, ta’ Ġurija u ta’ Mħallef fl-istess waqt biex isaħħaħ ir-rieda dittatorjali li jaħseb li għandu dritt jasserixxi. Matul dawn il-jumejn li għaddew, il-Gvern infexx f’attakk kordinat minn Kastilja biex ikisser u jumilja lill-Oppożizzjoni għaliex irid li dejjem tgħaddi tiegħu, imma lill-Oppożizzjoni xejn u ħadd ma jkissrilha r-rieda qawwija li titkellem fuq l-aktar issues pressanti u mhix lesta taħli l-ħin li taha l-poplu Malti bil-mandat tiegħu fil-Parlament.
B’hekk nistgħu naraw id-differenza kbira bejn iż-żewġ partiti: il-Partit Laburista jinteressah biss minnu nnifsu; il-Partit Nazzjonalista jinteressah minnek. Ladarba mhux qed jiġu diskussi l-problemi li jridu direzzjoni, allura l-Gvern qiegħed jaħli ħin u flus il-poplu.
Ilkoll naqblu li pajjiżna jinsab f’punt kritiku, imma l-Labour qiegħed jitfa’ dell ikrah fuq id-demokrazija b’attentati ddisprati u immaturi biex jattakka lill-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni iżda, se tibqa’ għaddejja għaliex warajha hemm in-nies ta’ rieda tajba li jridu l-ġid għal Malta tal-lum u ta’ għada.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed ikompli jikkonferma li f’dan il-pajjiż teżisti biss vuċi waħda favur is-sewwa. Għalhekk, bħala deputat f’isem l-Oppożizzjoni, nieħu l-opportunità biex permezz ta’ dan l-artiklu, nistieden lill-poplu biex ikompli jkun warajna f’din il-ġlieda favur is-sewwa, f’din il-ġlieda favur it-tajjeb. Għaliex pajjiżna jixraqlu demokrazija vera u ġusta.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 19 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>