Inċident li possibilment seta’ kellu konsegwenzi traġiċi, ma tgħallimna assolutament xejn mill-iżbalji tax-xhur preċedenti – kieku kien hemm xi ħadd taħt il-bini konna nirriskjaw fatalità oħra.
Dawn huma ftit mill-kummenti b’reazzjoni għal dak li x-Shadow Minister Mark Anthony Sammut żvela li seħħ fiż-żona industrijali ta’ Bulebel; żona li taqa’ direttament taħt ir-responsabbiltà tal-entità governattiva Indis Malta.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9 tat-Tlieta filgħodu meta parti minn faċċata f’sit ta’ kostruzzjoni ċediet minħabba dak li b’mod ċar qed jidher li huwa bini mhux magħmul kif suppost – b’kummenti jisħqu li donnhom kienu qed jibnuh bil-briksiet tal-lego.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-bricks ma kienx mimli, bil-konsegwenza li meta kien qiegħed jingħata l-konkos, dan daħal bejn briksa u oħra u ċeda għal isfel.
Fortunatament dak il-ħin taħt il-faċċata kien hemm biss vettura u mhux persuni li setgħu faċilment weġġgħu b’mod mill-aktar serju.
Intant sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li l-briksiet ma kienux imrekbin, iżda magħmulin qishom bċejjeċ tal-jigsaw puzzle – bini deskritt mill-esperti bħala wieħed magħmul bl-addoċċ b’riskju ta’ periklu qawwi.
Dan filwaqt li allegatament, persuni li marru fil-post fosthom uffiċjali ta’ Indis Malta spjegaw li l-aħjar kien li jħallu kollox kif inhu imbagħad jaraw l-għada – bil-ħadid u l-briks iperpru mar-riħ.
Net News huwa infurmat li uffiċjali tal-OHSA ġew infurmati u waslu fil-post aktar minn 24 siegha wara.
