Albert Buttigieg
Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali
Il-familja hija waħda mill-pedamenti tas-soċjetà tagħna.
Għaldaqstant, huwa fl-interess tagħna lkoll li nagħmlu l-politika favur il-familja.
Bit-terminu ‘familja’ qiegħed nifhem il-definizzjoni wiesgħa li nifhmu biha llum. Dan għaliex ilkoll kemm aħna nixtiequ ngħixu f’bejta fejn hemm l-imħabba u l-għożża.
Bħal kull żmien, il-familja tal-lum għandha numru ta’ sfidi li trid taffaċċja. Jekk fiż-żmien il-gwerra jew wara l-gwerra l-familji ta’ dak iż-żmien affaċċjaw il-ġuħ, il-mard u saħansitra l-imwiet, illum il-familja għandha sfidi oħra u ġodda.
Fost diversi sfidi, hemm l-isfida tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin għal familja minħabba impenji finanzjarji, loans mal-bane l minħabba xiri ta’ apartmenti u l-ġirja tal-ħajja.
Il-kwistjoni tad-demografija
Dan in-nuqqas ta’ bilanċ jew ħin għal familja qiegħed iwassal biex numru ta’ koppji għalkemm jixtiequ li jkollhom it-tfal imma ma jħossuhomx li għandhom ħin u riżorsi biżżejjed biex iġibu t-tfal.
Fil-fatt, fejn qabel il-membri tal-familja kienu jkunu aktar minn ergħa persuni, illum il-ġurnata, numru ta’ familji mhumiex aktar minn tliet membri! Wieħed irid jgħid ukoll li dan mhuwiex biss minħabba nuqqas ta’ ħin imma wkoll minħabba li l-aspettattivi għolew, edukazzjoni, housing u l-kwalità tal-ħajja mxiet ‘il quddiem.
Imma u hawn qegħda l-imma kollha.
Dan qiegħed iwassal li jekk nibqgħu b’din l-istess rata ta’ twelid, 30 sena oħra se jkollna l-maġġoranza tal-pajjiż li jkollu ‘l fuq minn 60 sena! L-istatistika turina biċ-ċar li mhux qegħdin inġibu biżżejjed trabi biex ir-razza Maltija tibqa’ teżisti!
L-istess statistika turina li filwaqt li biex tiġġedded ir-razza Maltija għandha bżonn li kull mara twelled żewġ trabi li jitwieldu, fir-realtà għandha biss wild wieħed! Mill-ġdid l-istatistika turina li fl-2023, mietu 5,000 Maltin filwaqt li twieldu biss 4,100 (li minnhom kien hemm trabi mhux ta’ nazzjonalità Maltija).
Dan ifisser allura li l-mara hija xi magna li twelled biss it-tfal?
Dażgur li le. Filwaqt li hija għażla personali li wieħed ikollu t-tfal u din l-għażla trid tkun mibnija fuq deċiżjoni matura bejn il-koppja imma huwa fl-interess tagħna lkoll li niffaċiltaw l-ambjent li fih wieħed ikollu t-tfal!
Inwieżmnu lill-familji
Għaldaqstant, hija fl-interess nazzjonali li naraw li nwieżnu lill-familji tagħna biex nagħmluha aktar faċli li koppja jkollha aktar minn wild wieħed. Jekk ma jiġrix dan, allura hemm riskju li mhux biss ir-razza Maltija tispiċċa maż-żmien imma li jkollna tibdil kbir fuq il-kultura tagħna. Ifisser ukoll li jekk hemm inqas tfal li jitwieldu, se jkollna nqas ‘il quddiem ħaddiema Maltin biex isostnu l-attivitajiet ekonomiċi tal-pajjiż! U dan se jfisser aktar ħtieġa ta’ ħaddiema barranin biex jaħdmu!
Għalhekk hemm bżonn b’mod urġenti li l-politiċi ta’ kull fehma, min iħaddem u kull min jista’ jagħti kontribut biex inpoġġu flimkien biex nagħmlu pjan ta’ azzjoni li jaħseb għal futur.
Il-PN bħala forza politika fil-pajjiż ħareġ numru ta’ proposti biex nagħtu l-appoġġ lil dawk il-ġenituri biex ikollhom aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, b’għan li jkun hemm aktar wild.
Dawn kienu l-proposti tal-PN:
Espansjoni tal-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom aktar ħin flimkien
■ Leave tal-missirijiet (paternity leave) jiżdied minn 10 għal 15-il ġurnata biex jiġi rikonoxxut ir-rwol dejjem jikber tal-missirijiet fil-kura tat-tfal
■ Leave tal-ġenituri (parental leave) jiġi estiż minn 8 għal 28 ġimgħa, maqsum indaqs bejn iż-żewġ ġenituri u mhux trasferibbli biex tkun promossa r-responsabbiltà kondiviża
■ Leave tal-maternità (maternity leave) jiżdied minn 18 għal 24 ġimgħa, bl-aħħar sitt ġimgħat ikunu trasferibbli lill-ġenitur l-ieħor jekk iridu
■ Total ta’ sena sħiħa leave mħallas bejn leave tal-maternità u leave tal-ġenituri, li jagħti l-flessibbiltà essenzjali lill-familji
Leave mħallas mill-Gvern għal kull ħaddiem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom
■ Il-leave tal-ġenituri, tal-missirijiet u ż-żieda fil-leave tal-maternità jkunu mħallsa mill-Gvern għall-ħaddiema kollha. Fil-każ tal-leave tal-ġenituri (parental leave) il-ħlas ikun sal-livell tal-paga medja, li hu ferm aktar mir-rata tal-leave tal-mard li hemm bħalissa
■ Ħaddiema għal rashom (self-employed) jingħataw l-istess drittijiet bħal ħaddiema impjegati, biex jiġi żgurat trattament ġust għal kull forma ta’ xogħol
■ Il-Gvern ikopri dawn l-ispejjeż biex inaqqas il-piż finanzjarju fuq min iħaddem u n-negozji
Appoġġ għall-kura tat-tfal u remote working
■ Għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid, ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-Gvern għall-kura tat-tfal (childcare centres)
■ Krediti tat-taxxa għall-kumpaniji privati li jimplimentaw mudelli ta’ remote working, biex jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol
■ Inkoraġġiment biex aktar negozji jadottaw policies ta’ remote working u flessibbiltà ħalli jtejbu l-produttività u l-benesseri tal-impjegati.
Diskussjoni matura
Bħala kelliem għal familja, flimkien ma’ kollegi oħra li ħdimna fuq dawn il-propost, nitlobu fil-pajjjiż ikollna diskussjoni matura fuq din is-sitwazzjoni.
Għaldaqstant, nistiednu lill-Gvern, li nemmen li anke huwa jifhem is-serjetà tas-sitwazzjoni għaliex fl-aħħar Baġit kien ħabbar xi miżuri f’dan ir-rigward, biex ‘lil hinn mill-politika partiġjana npoġġu flimkien ħalli nfasslu pjan ta’ ħidma. Flimkien inkunu aktar b’saħħitna.
Huwa fl-interess tagħna lkoll li ninvestu fil-familja. Il-familja hija l-futur tagħna.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 16 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>