Il-President Ukren Volodymyr Zelensky, ftit tal-ħin ilu, esprima t-twemmin li l-Ukrajna, bil-kollaborazzjoni mal-Istati Uniti, kapaċi twassal għall-paċi permanenti fi żmien sena wara aktar minn tlett snin ta’ konflitt mar-Russja.
Hu qal hekk wara telefonata li kellu mal-President Amerikan Donald Trump u li fissirha bħala ‘ferm pożittiv u ta’ sustanza’.
Zelensky u Trump, waqt it-telefonata, qablu li l-Istati Uniti u l-Ukrajna għandhom ikomplu jaħdmu flimkien biex iwasslu għall-konklużjoni formali tal-gwerra u futur iddominat mill-paċi.
Min-naħa tiegħu, Trump qal li d-diskursata tiegħu ma’ Zelensky kienet ‘tajba ħafna’ u wara li huma trattaw it-taħditiet tat-Tlieta (fuq it-telefon) bejn il-Mexxej Amerikan u l-Presaident tar-Russja, Vladimir Putin.
U għalkemm Putin (waqt it-telefonata) kien ċaħad għal waqfien mill-ġlied totali, l-Istati Uniti qed tinsisti biex it-taħditiet ikomplu xorta min-nhar il-Ħadd.
Sadanittant, Zelensky qed jgħid li l-kummenti ta’ Putin ma jirriflettux ir-realtà filwaqt li kkundanna l-aħħar attakki tar-Russi fuq il-faċilitajiet tal-enerġija fl-Ukrajna….Attakki li seħħew minkejja li Putin, waqt it-telefonata ma’ Trump, kien indika ‘sospensjoni ta’ 30 jum’ għal dawn l-azzjonijiet militari indirizzati direttament kontra ċ-ċivili Ukreni.
//= $special ?>