Proġett ta’ restawr li sar b’fondi Ewropej ġie inawgurat it-Tlieta filgħaxija, u li jfisser li issa n-nies jistghu igawdu mill-ġdid il-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta…fil-glorja oriġinali tiegħu.
Dan il-proġett kien ilu għaddej għal diversi snin, u kien jinkludi l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati esterni tal-kunvent u l-Knisja, il-faċċati interni flimkien ma diversi spazji oħra. Dan apparti r-rijabilitazzjoni arkejoloġika ta’ parti mill-bitħa, u fdalijiet mill-knisja ddedikata lill-Madonna tas-Sokkors.
Apparti minn hekk, biex dan il-proġett mifrux fuq tliet sulari jkun aċċessibli għal kulħadd ġew stallati pontijiet tal-ħadid u anke lift.
Permezz ta’ dan il-proġett ġiet irriġenerata binja estensiva li kienet ilha biex tiġi rrestawrata b’mod sinifikanti għal ħafna snin.
Fil-fatt, il-proġett qed jippromwovi l-apprezzament tal-Patrimonju Kulturali u ekkleżjastiku ta’ pajjiżna.
Waqt l-inawgurazzjoni ġie spjegat illi parti minn din il-binja qed tinbiddel f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni li jinkludi mużew b’diversi spazji u artefatti interessanti imma anke spazji li jistgħu jintużaw mill-komunita’ kemm għal inizjattivi partikolari u anke għal attivitajiet kulturali.
Il-binja qed tinkludi fiha l-iskavi tal-Knisja tas-seklu 16 li nstabu taħt il-ħamrija tal-ġnien tal-Kunvent u partijiet oħra mill-knisja u l-kunvent ta’ dik l-epoka li ġew restawrati; il-Kripta tal-Knisja li serviet ukoll ta’ refuġju waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u x-xelter li ntuża waqt l-istess Gwerra; Il-Bibjoteka, l-Oratorju u diversi spazji oħra b’artefatti bħal pitturi u statwi ta’ valur artistiku ta’ sinifikat għoli.
Il-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina mexxiet x-xogħlijiet fuq dan il-proġett b’kollaborazzjoni kontienwa mal-Komunita Agostinjana.
Il-Fondi Ewropej kienu kruċjali għat-twettieq ta’ dan il-proġett u wara snin ta’ preparazzjoni, lejn l-aħħar tas-sena 2018 bdew ix-xogħolijiet strutturali. Il-Proġett b’investiment totali ta’ €2.3 miljun filfatt seta jsir bil-kontribut sostanzjali tal-fondi Ewropej mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali li ammonta għal madwar €1.9miljun, flimkien mal-kontribuzzjoni tal-Provinċja Agostinjana Maltija.