Internazzjonali

Stati Uniti: Jistudjaw id-dokumenti deklassifikati dwar il-qtil ta’ JFK — ‘bis-sehem ta’ Lee Harvey Oswald mill-ġdid taħt il-lenti’

Il-Gvern tal-Istati Uniti ħareġ l-aħħar dokumenti relatati mal-assassinar tal-President Amerikan John F Kennedy (JFK) għall-konsum tal-pubbliku…Dan meta l-każ għadu qed iwassal għal diversi teoriji ‘fantastiċi’ u oħrajn bażati fuq is-suppożizzjonijiet dwar l-isparatura li swiet il-ħajja ta’ Kennedy meta hu kien għaddej bil-karozza minn Dallas, fl-Istat ta’ Texas, fit-22 ta’ Novembru tal-1963.

Dan qed isir wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħareġ direttiva eżekuttiva biex l-Amerikani jsiru jafu bid-dettalji fid-dokumenti li baqgħu mhux suġġetti għall-iskrutinju tal-awtoritajiet bil-ħsieb li tinħeba l-informazzjoni sensittiva.

L-esperti, issa, qed jevalwaw id-dokumenti (mat-80,000 paġna) li xi dettalji tagħhom qegħdin jidhru online…Il-proċess irid jieħu ż-żmien u meta l-esperti mhumiex jistennew daqstant li jsibu xi informazzjoni ġdida ta’ bixra ‘storika’.

L-awtoritajiet Amerikani, qabel, kienu pubblikaw il-mijiet tal-eluf tal-files relatati mal-assassinar ta’ JFK, iżda anki żammew dokumenti oħrajn minħabba ‘tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali’.

Dan meta ħafna Amerikani għadhom jemmnu li Lee Harvey Oswald, il-bniedem akkużat li spara t-tiri li swew il-ħajja tal-President Kennedy, ma kienx qed jaġixxi waħdu fil-jum fatali.