Lokali Qorti

Akkużat li daħħal 15-il kilo kannabis f’Malta

Malasjan ġie mixli li importa 15-il kilogramma ta’ ħaxixa tal-kannabis f’Malta, minn Dubai. Hou Lo Kah ta’ 32 sena wieġeb mhux ħati tal-pussess tad-droga, li importaha u li kkofoffa biex jinnegozja d-droga.

Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ kif fit-18 ta’ Marzu, għall-ħabta tas-2.30pm, il-Pulizija ġiet infurmata li uffiċjali tad-Dwana fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu għamlu spezzjoni fuq titjira li kienet għadha kif waslet Malta minn Dubai u waqqfu raġel Malasjan.

Huwa kien qed iġorr bagalja msakkra. X-ray scanners urew li ġewwa l-bagalji kien hemm xi materjal organiku. Ladarba nfetħet il-bagalja, l-uffiċjali sabu 28 pakkett, li kien fihom madwar 15-il kilo, suspettati li kienu ħaxix tal-kannabis. Huwa nżamm taħt arrest preventiv.