Lokali

“Baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu b’dik id-daħka fuq wiċċu”

“Bniedem uniku li baqa’ sal-aħħar sigħat ta’ ħajtu bid-daħka fuq wiċċu.”

Hekk stqarr Marco Cremona – wieħed min-neputijiet tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona hekk kif matul dawn il-ġranet ta’ dieqa għal familja Cremona, qegħdin ifakkru lil dan il-patri umli bl-isbaħ memorji li għandhom miegħu.

Marco Cremona saħaq li l-Monsinjur Pawlu Cremona kien iz-ziju li miegħu huma setgħu jiftħu qalbhom meta kienu jaffaċjaw xi problemi fil-ħajja tagħhom – tant li Pawlu Cremona kien jinsa’ l-impenji u jisma’ lilhom, filwaqt li jipprovdilhom pariri siewja.

Hu fakkar kif l-Arċisqof Emeritu kien iħobb fost l-oħrajn il-ftit ħin liberu tiegħu h – jaqra xi comics kif ukoll jilgħab il-waterpolo.

Marco Cremona stqarr kif kull nhar ta’ Sibt meta setgħu, kienu jħobbu jmorru jgħumu wkoll flimkien.

Viżibbilment emozzjonat, in-neputi ta’ Monsinjur Pawlu Cremona saħaq li ser jibqa’ jiftakar liz-ziju tiegħu b’dik id-daħka sabiħa li timla’ l-qlub – raġel li żgur ħalla timbru f’qalb dawk kollha li xi darba tkellmu miegħu.

Tkellimna wkoll ma’ Patri Aaron Zahra, il-Pirjol tal-Kunvent Dumnikan fil-Birgu, fejn stqarr li apparti l-valuri sbieħ li kellu Patri Pawl bħala uman – hu kien ukoll xempju tal-kariżma Dumnikana.

Patri Aaron saħaq li Monsinjur Pawlu Cremona kien bniedem ta’ qalb kbira għaliex verament kien jgħix għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. B’ħafna minn dawn l-atti ta’ karità l-maġġor parti tagħhom kien jippova jżommhom mistura.

Pawlu Cremona kien mexxa l-Arcidjoċesi ta’ Malta bejn l-2007 u l-2014, sakemm irtira minn din il-kariga.