Internazzjonali

Iċ-Ċina: Esekuzzjonijiet ta’ Kanadiżi għal reati tad-droga

Erba’ Kanadiżi li nstabu ħatja dwar reati tad-droga, din is-sena, ingħataw il-mewt fiċ-Ċina skont il-liġi – bl-esekuzzjonijiet ikunu konfermati sigħat ilu mill-awtoritajiet tal-Kanada.

L-erba’ persuni ġustizzjati kellhom kollha ċittadinanza doppja, bil-Ministru Kanadiż għall-Affarijiet Barranin, Melanie Joly, tisħaq li l-identitajiet tagħhom baqgħu mhux żvelati.

Ir-rapporti dwar l-esekuzzjonijiet ma niżlux tajjeb mal-Kanadiżi u l-kelliema għall-Ambaxxata Ċiniża fil-Kanada ħarġu messaġġ biex il-Gvern f’Ottawa ‘ma jkomplix bir-rimarki rresponsabbli’. Dan fost l-inkwiet li r-relazzjonijet tal-Kanada maċ-Ċina jaqilbu għall-agħar wara snin ta’ tensjoni fuq livell bilaterali.

Il-Gvern Ċiniż qed jgħid li l-esekuzzjonijiet inkwistjoni saru skont il-kriterji tal-liġi waqt li l-Ambaxxata Ċiniża fil-Kanada qalet li hemm ‘il-provi suffiċjenti tar-reati li wasslu biex it-talin jingħataw il-piena massima’.