Lokali Parlament

Il-Gvern għadu ma ddeċidiex liema hi l-aħjar sistema ta’ trasport tal-massa

Il-Gvern Laburista għadu għaddej b’evalwazzjoni dwar liema hija l-aħjar sistema ta’ trasport tal-massa għall-pajjiżna, u liema hi l-iktar feasible finanzjarjament. Dan, minkejja li nbeda x-xogħol relatat ma’ toroq ġodda fl-Imsida.

Din l-evalwazzjoni, qal il-Ministru Chris Bonett fil-Parlament,  qed tiġbor fiha wkoll studji differenti li saru f’pajjiżna f’dan il-qasam u li mistennija tiġi konkluża fil-ġimgħat li ġejjin.

Għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, il-Ministru Bonett qal li għad trid tkun stabbilita liema hi s-sistema li l-pajjiż għandu jmur u li tkun effiċjenti u li l-pajjiż jista’ jiffinanzja mingħajr ma jidħol fi problemi ta’ budgets.

Hu qal li dwar dan se jkun hemm konsultazzjoni ġenwina għal soluzzjoni għal pajjiżna.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi jgħid u jipprovdi dettalji f’liema stadju wasal il-pjan tal-Metro.

Ta’ min ifakkar li l-istess Gvern Laburista ddeċieda waħdu dwar it-toroq li se jagħmel fl-Imsida li x-xogħol beda bil-Kunsill tal-Imsida, b’maġġoranza Nazzjonalista, hu kontra dawn ix-xogħlijiet u kontra l-mod ta’ kif seħħew id-deċiżjonijiet relatati ma’ waħda mill-arterji ewlenin tat-traffiku f’pajjiżna

Il-Kamra tal-Periti wkoll ħarġet bi proposti differenti b’enfasi fuq aktar siġar u wesgħat għall-pubbliku, liema proposti wkoll kienu injorati.