KSU Students’ Fest hija produzzjoni annwali mmexxija mill-istudenti li tiġbor flimkien aktar minn 160 student għal tliet prestazzjonijiet, din is-sena fil-25, 26 u 27 ta’ April fis-sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta.
L-edizzjoni ta’ din is-sena twiegħed taħlita maġika ta’ ċajt, mużika live, atturi b’talent kbir, kant ippassjonat, koreografija dinamika, u spettaklu mill-aqwa li żgur se jaffaxxina udjenzi ta’ kull età. Din is-sena, il-KSU jippreżenta: Xrekk – verżjoni unika u Maltija tal-film famuż Xrekk! Ħejju ruħkom għal din l-edizzjoni, hekk kif il-biljetti diġà qegħdin għall-bejgħ mis-sit uffiċjali tal-KSU.
Il-KSU nieda din l-edizzjoni ta’ Students Fest permezz ta’ Xrekk on Quad, avveniment li seħħ nhar il-Ħamis, 20 ta’ Marzu. Din l-attività inkludiet rappreżentazzjonijiet ta’ numru ta’ żifniet u kanzunetti minn edizzjonijiet preċedenti ta’ Students’ Fest, wirijiet esklussivi tal-ispettaklu li ġej, kif ukoll kwiżż interattiv. Fost il-wirjiet, kien hemm l-interpretazzjoni tagħhom tal-kanzunetta Walking on Sunshine.
KSU Students’ Fest dejjem kien ta’ spettaklu, u kull sena japprezzaw li jinħolqu tant memorji! Min jista’ jinsa l-enerġija inkredibbli ta’ Oh My Hairspray jew il-ġenn sabiħ ta’ Min-Hi Girls – storja ħelwa dwar Cady minn Għawdex. Ma nistgħux ninsew id-dinja maġika ta’ Alice in Bormla, sħab Alice, u ovvjament it-tè li tant kienu jħobbu. Fl-aħħar mill-aħħar, ma nistgħux ma nsemmux il-ġugarelli favoriti tagħna minn Toy Storey li ħadu l-ħajja b’mod li ħallew tbissima fuq fomm kulħadd!
Matul dawn l-aħħar 15-il sena, Students’ Fest sar avveniment ewlieni fil-kalendarju tal-KSU. Dawn l-edizzjonijiet kollha wrew l-ammont kbir ta’ kreattività, talent u passjoni tal-komunità studenteska ta’ KSU!
Il-prezzijiet tal-biljetti jvarjaw minn €14 sa €20. Jekk inti dilettant tal-ġrajja ikonika ta’ Xrekk, imma tinteressak dik it-togħma umorstika kif ukoll b’xeħta Maltija, nirrakkomandaw li tibbbukja l-biljett tiegħek issa! Għal aktar informazzjoni jew biex tixtri biljett, żur is-sit uffiċjali tal-KSU: https://www.ksu.org.mt/media/events/ksu-students-fest-xrekk






