Lokali Unjoni Ewropea

Il-President Metsola lill-mexxejja Ewropej: “Irridu nkunu aktar ambizzjużi u naġixxu aktar malajr”

Hija u tindirizza lill-mexxejja, il-President tal-Parlament Metsola saħqet li f’dinja li qed tara aktar potenzi individwali, l-Ewropa trid tkattar l-ambizzjonijiet politiċi tagħha: fid-difiża u l-kompetittività.

Dwar l-Ukrajna, hija saħqet li l-paċi jibqa’ dejjem fuq nett tal-aġenda. Il-President Metsola iżda wissiet li l-“paċi għandu jkun ġenwin inkella jkollna biss l-illużjoni tal-paċi”.

Fuq id-difiża, il-President Metsola wissiet li: “F’dinja li qed tara aktar potenzi individwali, ma nistgħux ningħasru minħabba n-nuqqas ta’ ambizzjoni politika. Fi kliem sempliċi, l-Ewropa għandha tippożizzjona ruħha bħala forza. Li jfisser li tkun preparata. Li jfisser li ninvestu kif xieraq. Li jfisser inkunu serji fejn tidħol is-sigurtà, it-tħejjija tagħna għal li jinqala’, u l-kompetittività.”

Dwar il-kompetittività, il-President Metsola laqgħet il-passi li saru permezz tal-Unjoni tat-Tfaddil u l-Investiment iżda żiedet tgħid li “verament irridu nagħmlu passi ta’ ġgant”. Dwar l-Omnibus ta’ Simplifkazzjoni hija qalet li: “Ma nistgħux nittitubaw.” Hija tat l-assigurazzjoni tagħha li fuq iż-żewġ aspetti l-Parlament Ewropew qed jaħdem b’mod spedit permezz ta’ proċeduri ta’ urġenza. “Irridu nilħqu l-aspettattivi tan-nies bil-livell ta’ ambizzjoni tagħna”.

Dwar il-Qafas Finanzjaraju Multiannwali, il-President enfasizzat li “se joffrilna opportunità tad-deheb biex nallinjaw l-infiq tagħna mal-prijoritajiet strateġiċi. L-istatus quo mhux għażla.” Hija appellat għal “riformi sinifikanti biex il-baġit ikun aktar sempliċi, aktar flessibbli, u aktar iffukat fuq ir-riżultati”. Fl-istess waqt ħabbret li se jitħejja rapport mill-Parlament li se jkun preżentat f’Mejju.