Kummerċ Lokali

Il-Programm Creative Europe jkompli jirreġistra suċċess f’Malta


Il-programm Creative Europe, li jipprovdi fondi biex jassisti artisti u entitajiet kulturali, qed
jikseb dejjem aktar suċċess f’pajjiżna. Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati ta’ wħud mis-sejħiet.

Fis-sejħa tal-European Cooperation Projects, fejn entitajiet jew artisti lokali jingħaqdu ma’
artisti Ewropej oħra biex joħolqu proġetti konġunti, kien hemm numru kbir ta’
applikazzjonijiet, u minnhom; ‘il fuq minn 20 ġew magħżula biex iwettqu l-proġetti tagħhom.

Sejħa oħra li qed tirreġistra suċċess fost l-artisti Maltin hija l-Culture Moves Europe. Din
tipprovdi opportunità lill-artisti emerġenti biex jivvjaġġaw lejn pajjiżi Ewropej oħra u jkollhom
skambju ta’ esperjenzi fil-qasam artistiku li jagħżlu, bħaż-żfin, il-kant, il-letteratura, id-disinn
tal-moda, u oqsma artistiċi oħra.

Fost l-entatijiet li bbenefikaw minn dawn il-fondi nsibu lil Inizjamed, Voca Choir, il-Migrant
Women Association Malta u l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.

Il-programm, li se jibqa’ għaddej sas-sena 2027 b’fondi allokati ta’ €2.44 biljun, qed jikseb
dejjem aktar popolarità u interess fost l-artisti u l-entitajiet Maltin. Kull min għandu idea
oriġinali, innovattiva u li tirrifletti l-aspett kulturali, jista’ faċilment japplika għal dawn il-fondi.
Dan japplika kemm għal għaqdiet non-governattivi, entitajiet, Kunsilli Lokali, skejjel,
organizzazzjonijiet privati, persuni self-employed u ħafna oħrajn.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-sejħiet u l-Programm Creative Europe, wieħed jista’
jżur il-paġna ta’ Facebook Creative Europe Desk Malta, is-sit www.creativeeurope.mt, jew
iċempel fuq 20908990/1.