Formula 1 Sport

Imut Eddie Jordan, wieħed mill-persuni ewlenin fil-Formula 1

(Ritratt: EPA)

Tħabbret il-mewt ta’ Eddie Jordan fl-età ta’ 76 sena li kien wieħed mill-persuni ewlenin fl-istorja tal-Formula 1.

F’Diċembru li għadda Jordan ħabbar li kellu kanċer. Il-mewt tiegħu tħabbret mill-familja tiegħu. Hu miet f’Cape Town fejn kien akkumpanjat mill-familja tiegħu. Bosta sellmu l-memorja tiegħu fejn qalu li rnexxielu jġib l-enerġija tiegħu u l-karisma kull fejn kien.

It-tim tiegħu li kien jismu Jordan, li kkompeta fil-Formula 1 bejn l-1991 u l-2005, ħa sehem f’250 tellieqa fejn kiseb erba’ rebħiet. It-tim ta’ Jordan ta wkoll id-debutt lil Michael Schumacher fil-Formula 1 fil-Grand Prix tal-Belġju.

Fl-2005, Jordan biegħ it-tim tiegħu fejn wara sar kummentatur fuq it-televiżjoni Ingliża.

II-Kap Eżekuttiv tal-Formula 1, Stefano Domenicali, qal li jinsab imnikket bil-mewt ta’ Eddie Jordan. Aktar kmieni din is-sena, Jordan mexxa konsorzju fejn xtara t-tim tar-rugby fl-Ingilterra u għen lil Adrian Newey jiċċaqlaq minn ma’ Red Bull għal ma’ Aston Martin.