Futbol Sport

“Irridu nirbħu minkejja kwalunkwe diffikultà li nistgħu naffaċċjaw” – Emilio De Leo kowċ tat-tim nazzjonali Malti

(Ritratt: MFA)

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Emilio De Leo, lejlet id-debutt tiegħu bħala kowċ tat-tim Malti, qal li t-tim tiegħu jrid jirbaħ minkejja kollox u stqarr li kull partita hija differenti bil-plejers tiegħu jridu jaddattaw għal kull eventwalità.

De Leo stqarr li l-plejers f’dawn il-jiem urew ir-rieda li jitgħallmu u jaħdmu, però rrimarka kif biex wieħed jaddatta għal sistema ġdida, din tieħu l-ħin. Dwar l-avversarji, il-kowċ Taljan, qal li l-Finlandja huwa tim li jipposjedi plejers b’saħħithom u ta’ esperjenza filwaqt li ħeġġeġ lill-plejers tiegħu biex jaffaċċjaw din il-partita mingħajr biża’.

Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti Matthew Guillaumier kompla fuq dak li qal il-kowċ fejn faħħar il-plejers li qed jilagħbu barra l-pajjiż fejn għall-ewwel darba l-kowċ tat-tim nazzjonali sejjaħ disa’ plejers li qed jilagħbu barra l-pajjiż.

Guillaumier qal li d-differenza bejn il-plejers li jilagħbu hawn u dawk li jilagħbu barra l-pajjiż hija l-intensità aktar mit-teknika. It-tim Malti se jkun qed jilgħab l-ewwel partita tiegħu mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja għada fid-8.45pm fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali kontra l-Finlandja.