Robert Abela u l-Gvern tiegħu jibqgħu jikkonfermaw kemm għalihom l-Għawdxin huma ċittadini tat-tieni klassi u jridu jibqgħu jgħaddu ż-żmien bihom.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fiċ-Ċirkewwa, ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu Ivan Castillo qalu li t-Tender CT 2379/2024, li suppost kellu joffri soluzzjoni għall-problema ta’ konnettività li għandhom l-Għawdxin ġie mfassal bl-iskop preċiż li jimblokka kull kompetizzjoni u jassigura li l-MV Nikolaos jibqa’ fis-servizz, minkejja l-limitazzjonijiet serji fis-sigurtà, l-aċċessibbiltà u l-operat tiegħu.
It-tender jistipula skadenza impossibbli sabiex vapur ġdid jibda jopera. Dan ifisser li operaturi ġodda se jsibuha kważi impossibbli biex japplikaw għal dan it-tender u allura l-Gvern ikollu kull skuża biex ikompli jħallas għal vapur qadim li għalih ġa berbaqna mijiet ta’ eluf u li żgur mhuwiex ir-raba’ vapur li jixiriqilhom l-Għawdxin.
Minflok ma jinvesti f’vapuri moderni li jilħqu l-istandards ambjentali, u li huma siguri u aċċessibbli, il-Gvern Laburista qed jarmi flus il-poplu fuq bastiment skadut li mhux tajjeb għan-nies.
Huwa ovvju li dan it-tender qatt ma kien intiż biex iġib l-aħjar servizz, imma ġie mfassal apposta biex iżomm l-affarijiet eżatt kif inhuma. Din hija konferma oħra li dan il-Gvern iħares dejjem u biss l-interessi tiegħu stess u l-proċeduri ta’ akkwist qed jiġu mmanipulati biex jipproteġu arranġamenti eżistenti minflok jaqdu l-interess pubbliku. Għax il-Gvern jiġi jaqa’ u jqum mill-Għawdxin u l-passiġġieri kollha li jiddependu minn dan is-servizz.
Il-Gvern qed jimmanipula l-proċeduri biex iżomm l- arranġamenti eżistenti għall-użu tan-Nikolaos minflok qed jara kif se jagħti lill-Għawdxin dak li ħaqqhom. Robert Abela u sħabu anke proċess ta’ tendering qed jużaw b’mod pervers billi jqiegħdu kundizzjonijiet li umanament impossibbli jintlaħqu. Kundizzjonijiet imfassla apposta biex jekk xi ħadd jitħajjar jittenderja, jaqta’ qalbu mill-bidu nett.
Sakemm nibqgħu nillapazzaw bin-Nikolaos, il-Gozo Channel, il-passiġġieri u t-taxpayer se jibqgħu iħallsu għal vapur li llum hu tajjeb biss għall-għaddasa u l-ħut.
Il-Gvern ta’ Abela qed juża fondi pubbliċi u qed jimmanipula proċessi biex l-Għawdxin jibqgħu mwikkija b’vapur li għandu difetti fundamentali. Il-kundizzjonijiet taż-żmien qasir tat-tender, u r-riżultat prevedibbli riżultat ta’ hekk, iqanqlu tħassib serju dwar l-amministrazzjoni ħażina ta’ flus il-poplu u n-nuqqas ta’ rieda tajba li jitjieb is-servizz tal-vapur għal eluf ta’ persuni li jiddependu fuqu kuljum.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu minnufih jieqaf jgħaddi ż-żmien bil-poplu u jieqaf ikaxkar saqajh u jagħti lill-Għawdxin is-servizz ta’ vapur li jixirqilhom. Il-poplu Għawdxi u Malti jistħoqqlu konnettività sigura u moderna, mhux bi pjaċir imma bi dritt.
Is-sitwazzjoni preżenti tal-konnettività bejn Malta u Għawdex hija waħda gravi li qed tkun ta’ sfida serja, reali u regolari għal eluf ta’ nies kuljum.
Il-flotta eżistenti tal-Gozo Channel laħqet il-limitu tal-ħajja tagħha. Il-vapuri MV Ta’ Pinu, MV Malita, u MV Gaudos ilhom joperaw għal 25 sena, u issa bdew jiddeterjoraw ħafna anke minħabba ż-żieda ta’ vjaġġi bejn Malta u Għawdex.
Ir-raba’ vapur Nikolaos, mikri għall-prezz ta’ €14,000 kulljum minbarra l-ispiża tal-fjuwil, għandu 36 sena. Dan għamel għomru u żmienu vapur tal-merkanzija imma l-Gvern Malti dan sab għall-Maltin u l-Għawdxin.
Minħabba l-limitazzjonijiet tiegħu, dan jitħaddem biss b’nofs il-kapaċità. Huwa wkoll fi stat diżastruż b’faċilitatijiet limitati fuq il-vapur u b’nuqqas serju ta’ aċċess.
Din is-sitwazzjoni mhux biss qed twassal għal ineffiċjenza, imma qed toħloq ukoll riskji serji għall-ħajja tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ, li huma marbuta mal-istandards internazzjonali tal-IMO u r-regolamenti SOLAS (Safety of Life at Sea).
Alex Borg u Ivan Castillo qalu li l-Partit Nazzjonalista ma jfassalx miżuri biex ifallu imma miżuri serji biex il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer titjieb serjament:
- Flotta ġdida ta’ vapuri
Is-servizz jeħtieġ flotta ġdida ta’ erba’ vapuri moderni li jilħqu l-istandards ambjentali u tas-sigurtà internazzjonali. Dan huwa essenzjali biex jiġu żgurati l-effiċjenza, is-sigurtà, u s-sostenibbiltà fit-tul tal-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
- Studju serju dwar il-ħames vapur
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm bżonn studju serju dwar il-possibbiltà tal-ħames vapur biex tissaħħaħ aktar il-konnettività, speċjalment fi żminijiet ta’ domanda għolja. Dan għandu jkun vapur iddedikat esklussivament għat-trasport tal-merkanzija, biex iwettaq vjaġġi bejn Għawdex u l-Port il-Kbir, biex it-trasportazzjoni ta’ prodotti u oġġetti essenzjali tkun aktar effiċjenti.
- Tkabbir tal-portijiet u investiment fit-tul
Irridu naraw li l-portijiet tagħna jkunu attrezzati biex jikkumplimentaw u jservu tajjeb għall-evoluzzjoni tas-servizzi tal-Gozo Channel, imma wkoll biex niżguraw tkabbir ekonomiku sostenibbli. Neħtieġu:
- Estensjoni tal-portijiet fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa biex jilqgħu għal volumi akbar ta’ traffiku marittimu u trasport tal-merkanzija.
- Titjib tal-breakwaters biex il-portijiet ikunu operattivi f’kull tip ta’ temp u jkunu verament “all-weather ports” b’riferenza speċjali għas-South Quay fiċ-Ċirkewwa.
- Tisħiħ tal-infrastruttura tat-toroq. Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja l-iżvilupp ta’ triq addizzjonali bejn il-port tal-Imġarr u l-bqija tal-gżira biex ittaffi l-konġestjoni u tippermetti moviment aktar effiċjenti tat-traffiku.
- Servizz imtejjeb għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi
Hemm bżonn isiru aktar vjaġġi ddedikati għall-merkanzija perikoluża sabiex jiġu evitati riskji għall-passiġġieri u jiġu sodisfatti r-regolamenti tas-sigurtà marittima.
Huwa kompletament inaċċettabbli li l-Gvern jibqa’ jipprova jgħaddi ż-żmien b’min juża s-servizz tal-vapur bejn Malta u Għawdex. Il-Gvern Laburista ilu 13-il sena jgħid li jemmen fil-konnettività u li jrid jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lill-Għawdxin. Il-vapuri qodma huma xhieda li dan hu biss kliem fieragħ.
Dawn mhux biss qed iħallu impatt negattiv fuq is-servizz, iżda qegħdin joħolqu riskju għas-sigurtà tan-nies. Wasal iż-żmien li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex Malta jkollha servizz tal-Gozo Channel modern, sigur, u sostenibbli.
Hija ħasra li l-Gvern tant hu miftluf li tilef ukoll l-opportunità li japplika għall-għajnuna mill-Unjoni Ewropea. Mill-istudju li sar mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-PN Peter Agius u esperti li tkellmu dwar dan waqt konferenza nhar is-Sibt li għadda, dawn il-fondi kienu accessibbli taħt programmi li jappoġġjaw investiment f’infrastruttura nadifa u sostenibbli. Imma l-Gvern litteralment tilef il-vapur.
Żmien l-azzjoni huwa issa, diġà qegħdin tard.
Il-Gvern ma jistax jibqa’ jarmi s-sigurtà u l-futur ekonomiku ta’ Għawdex u Malta. Il-bdiewa Għawdxin, in-negozji, u l-familji Għawdxin jixirqilhom aċċess u konnettività sigura. Din mhix kwistjoni ta’ politika partiġjana imma ta’ serjetà lejn pajjiżna u l-poplu tagħna. Il-poplu jixraqlu aħjar, u l-Partit Nazzjonalista lest li jaħdem għal dan il-għan.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-proposti li għamel għax Għawdex jixraqlu konnettività aħjar u Malta jixirqilha investiment fit-tul għall-ġid tal-poplu kollu.
