Internazzjonali

It-Turkija: Mewġa ta’ arresti qabel l-elezzjoni tal-Ħadd

L-awtoritajiet fit-Turkija arrestaw lill-għexieren tan-nies li bagħtu messaġġi fuq il-midja soċjali biex jilmentaw kontra l-aħħar aġir dittatorjali mill-Gvern tal-President Recep Tayyip Erdogan. L-inkwiet fit-Turkija, intant, irrankaw wara l-arrest, nhar l-Erbgħa, tas-Sindku ta’ Istanbul,  Ekrem Imamoglu, bil-Gvern qed jisħaq li l-persuni arrestati huma kollha nies ‘li riedu jipprovokaw l-inkwiet u jkissru l-istabbilità’.

Imamoglu spiċċa fost aktar minn 100 Torok li nżammu mill-Pulizija fuq akkużi dwar korruzzjoni u ‘appoġġ lill-gruppi terroristiċi’. L-akkużi li qed jidhru infondati u li ġġeneraw mewġa ta’ protesti f’Istanbul kif ukoll f’Ankara, il-kapitali tat-Turkija.

L-azzjonijiet tat-tmexxija Torka qed jidhru premeditati peress li Imamoglu, membru tal-Partit Repubblikan għall-Poplu (CHP) sekulari hu rivali kbir tal-President Erdogan. Dan ukoll fost l-indikazzjonijiet li l-kandidatura ta’ Imamoglu għall-Presidenza tal-pajjiż kellha tkun ikkonfermata sa ftit sigħat qabel hu inżamm taħt arrest.

L-elezzjoni għall-Presidenza tat-Turkija ssir nhar il-Ħadd, it-23 ta’ Marzu u l-kritiċi tal-Gvern qed jgħidu li l-arrest tas-Sindku kien parti minn ‘kolp ta’ stat’ xprunat minn Erdogan. Fl-istess ħin, l-attivisti f’Istanbul, qed jippjanaw dimostrazzjonijiet ġodda ta’ protesta minkejja li l-Gvernatur tal-belt – alleat tal-President Erdogan – ipprojbixxa dawn it-tipi ta’ rallies għal erbat ijiem konsekuttivi.

Il-Ministeru għall-Intern f’Ankara, fl-istess ħin, ħabbar li l-Pulizija identifikat viċin it-300 ‘suspettat’ li allegatament bagħtu l-messaġġi online biex ‘jinċitaw lill-poplu għal azzjonijiet ta’ mibegħda kif ukoll għal reati kontra l-Istat.’

Fil-fatt, fi ftit sigħat kienu laħqu ntbagħtu l-miljuni ta’ messaġġi ta’ protesta online u wara li sar magħruf l-arrest tas-Sindku ta’ Istanbul.

Min-naħa tiegħu, Ekrem Imamoglu  bagħat messaġġ fuq is-sit ‘X’, fejn ħeġġeġ biex it-Torok jirreżistu ‘għal din il-mewġa ta’ ħażen mogħtija l-barka tal-Istat’. Hu ħareġ appell imqanqal lill-membri tal-Ġudikatura Torka u d-deputati fil-Partit ta’ Erdogan biex huma ma jħallux l-inġustizzji fil-pajjiż ikomplu fuq din l-iskala.

Imamoglu kompla li  l-aħħar żviluppi allarmanti fit-Turkija qed imorru anki ‘il hinn mill-mandati u ideali tal-prtiti politiċi u meta dawn qed iħallu wkoll l-effett għall-familji kollha fit-Turkija.