Sport

Kirsty Coventry eletta bħala l-10 President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali

B’49 vot favur mis-97 vot eligibbli, KIRSTY COVENTRY, attwali ministru tal-Isport ta’ Zimbabwe u rebbieħa ta’ midalji Olimpici fl-Olimpijadi ta’ Ateni fl-2004 u f’Beijing fl-2008, kienet eletta bħala l-10 President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Hija l-ewwel President mara tal-Moviment Olimpiku mill-1896 u l-ewwel president mill-Afrika.

L-elezzjoni saret illum f’Costa Navarino fil-Greċja waqt il-144 Sessjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. B’kollox seba’ kandidati ħadu sehem f’din l-elezzjoni.

Ir-riżultat tħabbar ufficjalment mill-President attwali Thomas Bach li jtemm il-Presidenza tiegħu f’Ġunju li ġej. Is-suċċess ta’ Kirsty Coventry kien wieħed nett fejn b’49 vot kisbet eżatt il-maġġoranza meħtieġa fejn kien riżultat sorpriża għall-mod kif kienet eletta fl-ewwel rawnd minkejja li huma bosta li jsostnu li kellha l-appoġġ sħih ta’ Thomas Bach.

Ir-riżultat finali kien:
Voti mitfugħa 97 b’maġġoranza ta’ 49
Kirsty Coventry – Zimbabwe – 49 vot
Juan Antonio Samaranch – Spanja – 28 vot
Sebastian Coe – Renju Unit – 8 voti
David Lapppartient – Franza – 4 voti
Morinari Watanabe – Ġappun – 4 voti
John Eliasch – Żvezja – 2 voti
Prinċep Feisal Al Hussein –Ġordan – 2 voti.