Knisja Lokali

L-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona espost għall-qima tal-poplu Malti u Għawdxi

Tislima xierqa fit-toroq ta' belt twelidu

Ix-xeni li spikkaw fil-Belt Valletta jikkonfermaw kemm kien patri maħbub. Arċisqof li ħalla marka fuq is-soċjetà tagħna. Duminkan li għex il-vokazzjoni tiegħu bl-aqwa mod.

Il-korteo funebri wasal quddiem il-Bażilika ta’ San Duminku fil-Belt ftit wara l-4pm, fejn ingħatat tislima xierqa lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona mill-familja Dumnikana.

Imbagħad, il-korteo għadda minn Triq il-Merkanti, Triq San Duminku, Pjazza San Ġorġ, lejn Triq ir-Repubblika.

Il-korteo mmexxi mill-Kapitlu Metropolitan wasal fil-Konkatidral ta’ San Ġwann – bit-tebut jittieħed lejn l-Oratorju tal-Konkatidral fejn l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles J. Scicluna mexxa l-għasar, li beda għall-ħabta tal-5pm.

Intant, il-Ġimgħa, Mons. Cremona se jibqa’ espost għall-pubbliku l-ġurnata kollha – mid-9am sat-8:30pm.

Dan filwaqt li s-Sibt, il-funeral se jibda fid-9:30am.

Il-bnadar fuq binjiet pubbliċi u ekkleżjastiċi għandhom jittajru mezz’asta matul il-ġurnata kollha.