Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-approvazzjoni tal-emendi proposti mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt is-Summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li sar illum fi Brussell – proposti li jassiguraw li l-prinċipju tan-newtralità ta’ Malta jibqa’ rispettat fid-diskussjonijiet Ewropej dwar is-sigurtà u d-difiża.
Matul dan is-summit, il-mexxejja tal-partiti membri tal-PPE intalbu japprovaw dikjarazzjoni konġunta bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-kontinent filwaqt li jiġu kkunsidrati r-realtajiet differenti ta’ kull pajjiż, dejjem fil-kuntest li kull deċiżjoni li tittieħed twassal għall-paċi fir-reġjun.
F’dan il-kuntest, Bernard Grech intervjena f’isem il-Partit Nazzjonalista biex iressaq ’il quddiem salvagwardji fl-interess tal-pożizzjoni ta’ Malta, fejn saħaq li filwaqt li l-Ewropa għandha ttejjeb id-difiża tagħha b’aktar investiment, jeħtieġ ukoll li jiġu mħarsa r-realtajiet u l-interessi ta’ pajjiżi newtrali, inkluż Malta. L-emendi mressqa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġew aċċettati u ddaħħlu fid-dikjarazzjoni konġunta finali tas-Summit li issa titressaq quddiem il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Il-Partit Nazzjonalista qabel mal-viżjoni tal-PPE għal difiża Ewropea aktar b’saħħitha, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża u l-koperazzjoni industrijali, biex l-Ewropa tkun f’pożizzjoni li tiddefendi lilha nnifisha. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jemmen li din il-kapaċità trid tkun mibnija fuq strateġija li tirrispetta d-diversità tal-Istati Membri, inkluż l-istatus newtrali tal-pajjiżi membri tal-UE.
Bernard Grech tenna li kull pass lejn aktar integrazzjoni f’oqsma relatati mad-difiża għandu jsir b’rispett sħiħ lejn il-pożizzjoni ta’ kull pajjiż membru, inkluż dawk li huma newtrali. Bis-saħħa ta’ dan l-intervent u d-djalogu produttiv mal-mexxejja tal-PPE, ġew approvati l-emendi proposti mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li jiżguraw li tibqa’ tiġi mħarsa n-newtralità ta’ pajjiżna fil-qasam tad-difiża.
Il-Partit Nazzjonalista jafferma li Malta għandha tibqa’ jkollha rwol attiv f’inizjattivi Ewropej għas-sigurtà, iżda dejjem b’rispett lejn in-newtralità tagħha. Fis-Summit tal-lum il-PPE wera li huwa spazju fejn ir-realtajiet differenti ta’ kull pajjiż jiġu rikonoxxuti u r-rwol kif ukoll il-vuċi ta’ Malta fil-politika Ewropea huma b’saħħithom u rispettati.
Bernard Grech insista wkoll li fi kwalunkwe qbil li jintlaħaq, għandu jibqa’ jiġi rispettat id-dritt ta’ kull Stat Membru għall-veto anke f’dan il-qasam tas-sigurtà. Huwa tenna li jeżisti d-dritt tal-veto biex jassigura li kull Stat Membru jkun jista’ jiddefendi r-realtajiet domestiċi individwali tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiddefendi l-interessi ta’ Malta fuq livell Ewropew, billi jassigura li n-newtralità tagħna tibqa’ rispettata filwaqt li nkomplu nagħtu sehemna għall-paċi u s-sigurtà tal-kontinent.
Waqt it-taħditiet fi Brussell, minbarra s-sitwazzjoni b’rabta mal-Ukrajna u s-sigurtà fl-Ewropa, gew diskussi wkoll il-kompetittività fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ insista fuq il-ħtieġa li l-UE tibqa’ tindirizza l-problemi l-oħra li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini tagħha, fosthom il-kriżi tal-għoli tal-ħajja li qed tolqot ukoll fil-laħam il-ħaj lill-Maltin u l-Għawdxin.
Fost it-taħditiet separati li kellu l-Kap tal-PN, kien hemm ukoll laqgħa bilaterali importanti mal-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Taljan Antonio Tajani.
Għal dan is-Summit, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea.
//= $special ?>