Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, għamilha ċara mill-ġdid li qed ifittex konklużjoni malajr għall-gwerra ta’ tliet snin kontra r-Russja. Madankollu hu qed iżomm sod kontra l-konċessjonijiet tal-art ‘esaġerati’ lil Vladimir Putin bħala element kruċjali għal kwalunkwe ftehim ta’ paċi.
Zelensky hu partikularment determinat dwar il-Krimea – il-penisola li r-Russi kienu ħatfu waqt l-ewwel xhur tal-2014 – u fejn sostna li l-penisola għandha titqies bħala l-art (maħtufa) tal-Krimea.
Il-President Ukren kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Oslo, il-kapitali tan-Norveġja, flimkien mal-Prim Ministru Norveġiż, Jonas Gahr – u fejn fakkar li hu kien informa lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, dwar l-imħabba li l-Ukreni għandhom għall-Krimea bħala parti integrali ta’ pajjiżhom.
Hu minnu wkoll li l-komunità internazzjonali għadha sal-lum tirrikonoxxi lill-Krimea bħala parti integrali mill-Ukrajna u minkejja li r-Russja ta’ Putin qed issejħilha ‘estensjoni ta’ artha’.
Zelensky, waqt il-konferenza, għamilha ċara wkoll li l-faċilitajiet nukleari fl-Ukrajna huma tal-poplu Ukren u f’ħin meta hu kien qed jitkellem dwar il-faċilità ta’ Zaporizhzhia. Faċilità li għadha sal-lum okkupata mill-militar Russu.
Il-President Ukren anki tratta s-sħubija potenzjali tal-Ukrajna fin-NATO u qal li l-fatt li l-Istati Uniti warrbet għal din il-possibbiltà għandu jitqies bħala ‘rigal kbir lil Vladimir Putin u l-Kremlin’. Dan wara li l-uffiċjali f’Washington, jiem ilu, dehru li kienu qed jagħlqu l-bieb għas-sħubija tal-Ukreni fl-Alleanza tal-Punent.
In-NATO għandha 32 Stati membri u r-Russja qed topponi totalment il-kunċett li l-Ukrajna, xi darba, issir parti mill-Alleanza. L-iskuża prinċipali ta’ Moska hi li l-inklużjoni tal-Ukrajna fin-NATO għandha tqarreb il-qawwiet tal-Alleanza lejn il-fruntieri tar-Russja,
Is-sitwazzjoni, intant, tibqa’ waħda kumplikata peress li l-Alleanza tal-Punent, fl-2008, kienet qalet li l-Ukrajna kellha titħalla tissieħeb eventwalment fin-NATO.
Qabel il-konferenza f’Oslo, Zelensky indirizza wkoll lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea waqt summit u qalilhom li ma nbidel xejn f’din il-gwerra, peress li r-Russja għadha qed tattakka lill-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna. Attakki li qed ikomplu minkejja li Moska, jiem ilu, qablet biex twaqqaf dawn l-attakki għal ftit ġimgħat. Sitwazzjoni li l-poplu Ukren qed ikompli jbati minnha minn lejl għal nar u mingħajr l-ebda serħan.
L-Ukren insista wkoll biex il-President Putin ma jkomplix jagħmel il-kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied li mhumiex neċessarji, filwaqt li kkonferma li l-Uffiċjali Ukreni għandhom jiltaqgħu nhar it-Tnejn ma’ delegazzjoni ta’ medjaturi Amerikani fl-Għarabja Sawdija.