Raġel ta’ 37 sena ġie mmultat €1,200 mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace wara li laqat mara waqt li kienet qed taqsam minn fuq zebra crossing f’Ħaż-Żabbar. L-inċident stradali seħħ fis-17 ta’ Awwissu, 2023 fis-6.30am, fi Triq is-Santwarju.
Il-vittma xehdet f’awla numru ħamsa u qalet li bħalma tagħmel kull filgħodu ħarġet timxi. Dakinhar x’ħin waslet fi Triq is-Santwarju bdiet biex taqsam minn fuq iz-zebra crossing. Din iz-zebra crossing hija maqsuma f’biċċtejn.
Tenniet li qasmet l-ewwel biċċa u kif waslet f’nofs iz-zebra crossing tat-tieni waħda rat vann ġej għal fuqha. Dak il-ħin ippanikjat u pprovat tgħaġġel. Minkejja dan, mar rnexxielihx tevitah u l-vann laqatha bil-mudguard.
Ix-xufier, Aaron Azzopardi qal li waqt li kien dieħel għall-pjazza kien hemm is-siġar u l-pjanti jtellfuh. Madankollu, qal li kien jaf li hemm zebra crossing u kkonferma x-xhieda tal-mara li kienet qed taqsam minn fuqha. Qal li kulma ra dak il-ħin kien lill-mara taħbat mal-mudguard.
Il-Qorti, fis-sentenza tagħha qalet li s-sewwieq naqas li jħares sew meta kien qed joqrob lejn iż-zebra crossing. Tenniet li kollox jindika li huwa saq b’mod traskurat. Hija sabitu ħati biss li saq b’mod traskurat iżda ma sabitux ħati li saq b’mod perikoluż u li weġġagħha ħafif għax ma ġiex ippreżentat ċertifikat. Flimkien mal-multa u 10 punti mnaqqsa, huwa spiċċa bil-liċenzja skwalifikata għal perjodu ta’ xahar.
//= $special ?>