Il-qawwiet ta’ Iżrael qed jintensifikaw l-offensiva ġdida fuq it-terroristi tal-Ħamas f’Gaza wara ġimgħat ta’ kwiet relattiv li segwew il-ftehim fraġli għal waqfien mill-ġlied li kien destinat biex ma jgħaddix għall-fażi li jmiss.
Intant, sensiela ġdida ta’ attakki mill-ajru swew il-ħajja ta’ madwar 100 Palestinjan matul il-lejl tal-Erbgħa u meta l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, għadu determinat li pajjiżu jirranka l-kumbattimenti f’Gaza.
Fil-fatt, Netanyahu, issa, għamilha ċara li kwalunkwe negozjati għal ftehim ieħor dwar waqfien mill-ġlied għandhom isiru taħt ‘kundizzjonijiet ta’ gwerra totali’.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-militar Iżraeljan interċetta numru ta’ missili li l-fergħa armata tal-Ħamas sparat lejn il-belt ta’ Tel Aviv u meta mistenni li t-terroristi wkoll iżidu l-azzjonijiet matul il-jiem li ġejjin.
Mindu Iżrael, din il-ġimgħa, beda mill-ġdid il-kampanja ta’ bumbardamenti fuq Gaza, mifhum li x’aktarx inqatlu ‘il fuq minn 500 Palestinjan – membri armati tal-Ħamas u ċivili – fi spazju ta’ jumejn biss.
Fl-istess ħin, il-militar Iżraeljan beda mill-ġdid offensiva tal-art fit-Tramuntana ta’ Gaza u wara li l-azzjonijiet militari fuq skala kbira (f’Gaza) kienu ilhom jonqsu minn Jannar.
Fl-istess ħin, l-Iżraeljani qalu li l-attakki ġodda fuq Gaza mgħandhomx jonqsu sakemm il-Ħamas jeħilsu l-ostaġġi li fadal mir-rejds tas-7 ta’ Ottubru tal-2023 – il-jum meta t-terroristi wettqu l-massakri storiċi f’Iżrael. Mifhum li l-Ħamas għadu qed iżomm mas-60 ostaġġ fost l-indikazzjonijiet li talanqas nofshom bissgħadhom ħajjin..
Intant, l-Iżraeljani, issa, qed jaħdmu fuq strateġija militari ġdida bażata fuq azzjonijiet speċifiċi mal-art u bil-ħsieb li huma jwaqqfu buffer zone ‘parzjali’ bejn it-territorji ta’ fuq u l-artijiet lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaza. Fl-istess ħin, il-kampanja tal-art kapaċi tkun ‘aktar limitata milli wieħed jaħseb’ u meta dan dan jiddependi mil-livell ta’ reżistenza min-naħa tal-Ħamas.
‘Tobba, għalliema u infermiera fost il-vittmi’
Fl-aħħar sigħat ukoll ħarġet aktar informazzjoni dwar il-ħames membri tal-istaff tal-UNRWA – l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati Palestinjani – li nqatlu waqt l-aħħar azzjonijiet tal-Iżraeljani f’Gaza.
Il-Kap tal-Aġenzija, Philippe Lazzarini, qalu li fost il-vittmi kien hemm għalliema, tobba u infermiera u li hu qed jistenna ‘sitwazzjoni jerġa’ agħar’ waqt li l-Iżraeljani jħejju l-fażijiet li jmiss tal-offensiva.
Sadanittant, baqgħu mhux ċari d-dettalji u ċirkustanzi ta’ inċident li fih il-kumpless tan-NU f’Deir al-Balah spiċċa jġarrab il-ħsarat – u f’ħin meta l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani kienu qed jikkonċentraw l-attakki fuq siti indikati bħala bażijiet tal-Ħamas.
Il-Ħamas, fil-preżent, qed iwaħħal direttament f’Iżrael għal attakk ‘premeditat’ fuq il-kumpless tan-NU waqt li l-militar Iżraeljan irrifjuta li qed jattakka s-siti għall-operat ta’ fejda f’Gaza.
Sadanittant, żdied element ieħor għall-aħħar inkwiet, bir-ribelli tal-Houthi, fil-Jemen (alleati tal-Ħamas), jisparaw missila ballistika lejn Iżrael….Il-mira, f’dan il-każ, kien l-ajruport ta’ Ben Gurion viċin ta’ Tel Aviv u fejn ma kienu rappuratati l-ebda vittmi jew midruba. Fil-fatt, sar magħruf, wara, li d-difiżi tal-Iżraeljani nterċettaw il-missila qabel din daħlet fl-ispazju tal-ajru ta’ pajjiżhom.
L-aħħar splużjoni ta’ vjolenza f’Gaza hi dovuta għall-fatt li Iżrael u l-Ħamas naqsu minn qbil dwar kif jimplimentaw il-waqfien mill-ġlied ‘il hinn mill-ewwel fażi tal-ftehim li skada fl-Ewwel ta’ Marzu.
Il-Ħamas ma qablux li l-waqfien mill-ġlied ikun suġġett mill-ġdid għan-negozjati skont il-kundizzjonijiet imfasslin mill-Iżraeljani. Madankollu, it-terroristi kienu offrew biex jeħilsu ostaġġ Amerikan li għadu ħaj, flimkien mal-katavri ta’ xi ostaġġi li mietu fi priġunerija ‘u waqt li l-medjaturi kellhom ikomplu jaħdmu biex il-ftehim ma jinkisirx’.
//= $special ?>